Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali fi stqarrija ppreċiża li hekk kif membru tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali nstab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati, wara ammissjoni, ta’ numru ta’ reati – fosthom dak ta’ fastidju sesswali fuq eks membru tal-istess orkestra – dan ġie sospiż immedjatament b’nofs paga.
Il-Ministeru qal li, hekk kif jgħaddi l-perjodu tal-appell tassattiv skont il-liġi, bord ta’ dixxiplina estern għall-orkestra se jkun qed jisma’ l-każ.
Immedjatament ukoll, mas-sospensjoni tal-membru tal-orkestra, ingħataw struzzjonijiet biex jitwaqqaf bord ieħor estern għall-Orkestra Nazzjonali li għandu l-għan li, bla ħsara għall-ħidma li diġà twettqet mill-Korp tal-Pulizija, jagħrbel iċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-istqarrija relattiva għall-fastidju sesswali u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.