Tweġibiet tal-Pulizija għal mistoqsijiet ta’ One News jikkonfermaw kemm messaġġ bil-vidjo li tella’ fuq il-midja soċjali id-deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg ma kienx ibbażat fuq il-fatti u kien intiż biex joħloq biża’ bla bżonn fost in-nies. Il-vidjo tellgħu fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ftit wara nofsillejl, fil-00.15am minn Marsalforn.
Fil-messaġġ tiegħu, Alex Borg qal: “Kellna ġlieda oħra f’Marsalforn. Ir-residenti huma mbeżża’. In-negozji, is-sidien, huma mbeżża’. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Il-pulizija kienu hawnhekk, pero ma jistgħux ilaħħqu minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi, riżorsi umani, f’Għawdex”.
Iżda, meta One News talab lill-Pulizija għal aktar informazzjoni dwar il-każ, ikkonfermaw li, fil-fatt, ma kien hemm l-ebda ġlieda kbira f’Marsalforn. L-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Pulizija qal li meta l-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tat-8.30pm intalbet l-assistenza tal-Pulizija fil-bajja ta’ Marsalforn, fuq il-post marru ħames pulizija li sabu raġel mixħut fl-art. Dan kien jidher li kien taħt l-effett tal-alkoħol u kien qiegħed jaġixxi b’mod stramb. Għaldaqstant, intalbet l-assistenza medika u wara ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Waqt li din il-persuna kienet qiegħda tingħata l-assistenza medika fuq il-post, il-pulizija ġew nfurmati minn xi nies li fil-viċin li kien hemm raġel ieħor mitluq fl-art taħt ċint. Anki dan x’aktarx kien taħt l-effett tal-alkoħol u kellu xi dmija fuq rasu. Għalhekk, issejħet ambulanza oħra li ħadet lil din il-persuna l-isptar ukoll.
Il-Pulizija qalet li, mill-investigazzjonijiet li saru sa issa, jirriżulta li ż-żewġ każijiet huma separati minn xulxin. Barra minn hekk, minn xhieda preżenti, “irriżulta li ma kien hemm l-ebda ġlieda kbira”.
Għall-mistoqsija ta’ One News dwar x’inhu l-istat tas-sigurtà f’Għawdex, il-Pulizija qalet li tajjeb li wieħed isemmi li l-preżenża viżibbli tal-Pulizija f’Marsalforn żdiedet, kemm mill-Pulizija għall-Komunità kif ukoll minn dawk tad-Distrett. Bħala parti minn din il-ħidma ġew installati wkoll numru ta’ CCTV cameras. Waqt laqgħat li l-pulizija jkollha mal-komunità ta’ Marsalforn, kemm mar-residenti kif ukoll mas-sidien tal-ħwienet, dawn qalu li qed iħossuhom iktar sikuri bil-viżibilità tal-Pulizija fil-lokalità.
Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li qal id-deputat Nazzjonalista Alex Borg fil-messaġġ li tella’ malajr malajr f’nofs ta’ lejl, li fiha saħaq li “f’Marsalforn illum [kien hemm] ġlieda kbira li spiċċat ħażin”.