Filmat li nstab fuq wieħed mil-mobiles ta’ Elliot Paul Busuttil wera lis-suspettat liebes il-ħwejjeġ li kien liebes ukoll f’filmati tas-CCTV li kien hemm fuq il-post ta’ delitt.
Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ Elliot Paul Busuttil, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia, li fil-5 ta’ April instab il-katavru tiegħu ġo bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi.
Fis-seduta li għaddiet, il-Qorti kienet semgħet kif il-pulizija kienet ġabret filmati minn 36 kamera li jinsabu f’Ħ’Attard, il-Marsa, u Ħal Qormi, li mbagħad kienu ntużaw biex jinħoloq timeline tar-rotta meħuda minn karozza suspettuża li aktar tard instab li kienu tal-kumpanija tal-akkużat.
Busuttil intgħaraf mill-filmati u ġie arrestat mill-pulizija.
Fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabet diversi skieken u mobiles.
Il-każ se jkompli jinstema’ f’Diċembru.