Fid-diskors estensiv tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar deċiżjonijiet strateġiċi favur l-ambjent.
Apparti li semma l-bidu tal-investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro għal spazji miftuħa; l-akbar investiment ambjentali fl-istorja, Dr Abela semma wkoll il-fatt li l-poplu qed jistenna iżjed azzjonijiet favur l-ambjent u favur ħolqien ta’ spazji ħodor.
“Naturalment, iktar ma nwettqu minn dawn il-proġetti ambjentali, iktar se jkun l-għatx għalihom. Għax huma fost l-isbaħ proġetti li tista’ tagħmel. Illejla rrid nagħti ftit eżempji kif din il-prijorità ġdida qed nuruha across the board. L-ambjent imiss ma’ kull deċiżjoni li nieħdu. L-ambjent huwa fiċ-ċentru mhux biss fl-implimentazzjoni tal-wegħda li għamilna għal iktar spazji miftuħa. Iżda wkoll billi konna umli biżżejjed u bdilna ċerta direzzjoni. Fl-istess ħin kellna l-kuraġġ biex ħadna deċiżjonijiet li taw sinjal qawwi dwar kemm nifhmu li dan il-pajjiż irid iħares lejn aspetti ġodda.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal miżuri fil-Budget fosthom favur l-użu t’enerġija rinovabbli, inċentivi għall-użu ta’ vetturi elettriċi u t-tlestija ta’ proġetti bħal tax-shore-to-ship.
Semma wkoll proġetti t’afforestazzjoni bħal pjanijiet għall-Park Nazzjonali tal-Inwadar, il-fatt li ż-Żonqor se jibqa’ kollu kemm hu ODZ u l-aħbar sabiħa għall-Iskalin li flok l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin se jkollhom spazju miftuħ.
Il-Prim Ministru fakkar kif diġà qed ikollna iżjed spazji ħodor għall-familji.
“Minn miżbla f’Wied Fulija diġà ħloqna spazju miftuħ. Minn miżbla f’tal-Qortin ħloqna wkoll spazju miftuħ. U issa hawn. Il-legat tal-miżbliet li ħallewlna ta’ qabilna, qed nibdluh f’legat ta’ spazji miftuħa ġodda u riġenerati.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-deċiżjoni t’appell li għandha tittieħed il-Ħamis dwar Ħondoq ir-Rummien.
Hawn kien ċar u qal li dawk li ma waqfux jaħdmu biex jipproteġu l-Ħondoq, għandhom l-appoġġ tiegħu.
Il-Prim Ministru spjega kif id-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern iduru kollha mal-kwalità tal-ħajja u semma wkoll lil Għawdex.
Fisser il-gżira tat-tliet għoljiet bħala mutur ekonomiku b’opportunitajiet sbieħ u għalhekk jixraq li għan-negozji f’Għawdex ikun hemm inċentivi addizzjonali li jitilgħu sa 20% iżjed jekk isir investiment li jnaqqas l-emmissjonijiet.
Dr Abela semma l-investiment anki fit-toroq f’Għawdex li għas-sena d-dieħla kważi jiżboq bi tmien darbiet aktar minn dak fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Apparti li bil-Budget għas-sena d-dieħla se tiżdied in-nefqa rikurrenti u kapitali għal Għawdex, il-Prim Ministru qal li ħidmet il-Gvern se tibqa’ tħares il-karatteristiċi t’Għawdex permezz ta’ fondi pubbliċi u Ewropej.
“Irrid li dan ikun investit biex Għawdex ma jitlifx dak li jagħmlu daqstant sabiħ u distint. Dawn huma fondi Ewropej importanti li rridu nużaw b’għaqal. Għalhekk kull fejn possibbli, dawn irridu nużawhom biex ninċentivaw il-ħarsien tal-karattru Għawdxi kif nafuh u noħolqu spazji ambjentali ġodda.”
Il-Prim Ministru Robert Abela