Malta hija niesha, u s-suċċess huwa mertu tal-ħaddiema, tan-negozjanti, taż-żgħażagħ u tal-pensjonanti.
Kien b’dan il-mod, xprunat mill-ħidma u s-sehem tal-Maltin u tal-Għawdxin fis-soċjetà, li l-Prim Ministru Robert Abela bbaża d-diskors tiegħu fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija, b’rabta mal-budget ippreżentat għas-sena d-dieħla.
“Għax Malta hija niesha. Biex Malta tavvanza, in-nies iridu javvanzaw. Għawdex u Malta huma intom, in-nies. Il-ħaddiema li tbakkru għax-xogħol. In-negozjanti li tinvestu fluskom. Il-pensjonanti li tgħinuna bl-għerf u l-esperjenza tagħkom. Iż-żgħażagħ li twettqu l-ħolm f’realtà. Uliedna li huma l-istilel ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru fakkar kif grazzi għal diversi miżuri li daħħal Gvern Laburista, il-ħajja ta’ nies minn faxex differenti fis-soċjetà, issaħħet.
Elenka diversi miżuri li għamlu d-differenza fil-ħajja tan-nies, fosthom iċ-childcare b’xejn, l-eżamijiet tas-Sec u tal-Matsec bla ħlas, l-introduzzjoni ta’ aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, u t-trasport pubbliku b’xejn.
Dr Abela qal li fi sfond ta’ problemi internazzjonali kbar, dan il-Gvern xorta se jonfoq aktar minn biljun u tliet mitt miljun ewro fuq il-benefiċċji soċjali.
Huwa semma diversi miżuri ġodda li ġew imħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla, li saru bil-ħsieb li jwieżnu lil dawk l-aktar fil-bżonn, bħall-mekkaniżmu l-ġdid kontra l-għoli tal-ħajja li se jgawdu minnu għexieren ta’ eluf ta’ familji.
“Sostenn li se jibda jingħata minn din is-sena stess. Ilbieraħ skoprejna li lanqas din ma nduna l-Kap tal-Oppożizzjoni. Insomma, ma qarax il-pre-budget tiegħu stess, mhux se nippretendi li qara l-budget!”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-futur għas-settur tax-xogħol huwa sabiħ, għaliex il-budget għas-sena d-dieħla jaħseb biex jindirizza l-isfida li qed jaffaċċjaw diversi kumpaniji u industriji, li qed ifittxu n-nies b’ċertu ħiliet, iżda ma jsibuhomx.
“Biex inserraħ moħħ il-Kap tal-Oppożizzjoni, li ħsiebu biex igerrex l-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin minn Malta – il-futur ta’ xogħol f’Malta b’paga tajba, u b’kundizzjonijiet mill-aqwa, huwa sabiħ. Għax mhux imbilli tiġi l-Oppożizzjoni titkellem fl-arja fuq oqsma ekonomiċi ġodda. Jien illum qed nitkellem bil-fatti f’idejja fuq kif qed inkomplu niddiversifikaw l-ekonomija ta’ Għawdex u Malta biex pajjiżna jkompli jikber b’mod sostenibbli, fil-klima ekonomika li ħloqna permezz ta’ deċiżjonijiet tajbin li ħadna matul is-snin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Finalment, kollox idur mal-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi.
“Biex il-pensjonanti jkollhom is-serħan il-moħħ li wara dak ix-xogħol kollu se jgħixu l-anzjanità tagħhom f’dinjità. Biex il-familji jkollhom garanzija ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għal uliedhom. Biex is-servizz tas-saħħa ssibu b’saħħtu kull meta tiġi bżonnu. Biex il-familji jkollhom iktar spazji sbieħ fejn igawdu l-ħin flimkien. Għax il-ferħ jiġi mill-iktar affarijiet sempliċi, sakemm il-bniedem għandu ċ-ċertezza. Għalhekk dak li ressaqna jdur mal-kwalità tal-ħajja tagħkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela