Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet talba li għamel Romeo Bone biex ma jgħaddix proċeduri kriminali f’Malta dwar traffikar tad-droga.
Huwa argumenta li kien diġà għadda proċeduri fl-Italja dwar l-istess każ. Sostna li kien ġie akkużat mill-awtoritajiet Taljani b’kompliċità fit-traffikar tal-kokaina u tal-kannabis mill-Olanda, u li kien ġie lliberat minn dawn l-akkużi.
Fi Frar tal-2017, Bone kien iddomina l-aħbarijiet meta kien vittma ta’ karozza bomba fl-Imsida.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ċaħad li r-reati li dwaru qed jiġi akkużat Bone huma l-istess li dwarhom għadda proċeduri fl-Italja.
Wara li semgħu s-sottomissjonijiet kollha, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ċaħdu t-talba ta’ Bone.