Annise Bejaoui, raġel ta’ 33 sena residenti ż-Żejtun, inżamm arrestat wara li ġie mixli b’attentat ta’ serq ta’ oġġetti minn fuq dgħajsa s-Sibt għall-ħabta tas-7pm.
L-akkużat wieġeb li m’huwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Hu ġie mixli li tela’ fuq dgħajsa bl-isem ta’ ‘Lonzu l-King’ bl-iskop li jisraq. L-oġġetti li kien hemm fuq id-dgħajsa jammontaw għal €233.
Barra minn hekk, huwa ġie mixli li, filwaqt li kellu ordni li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa, kien ilu mis-7 ta’ Ottubru ma jiffirma fl-għassa tal-pulizija taż-Żejtun.
Dwar dan l-akkużat qal, permezz tal-avukat tal-għajuna legali tiegħu Josette Sultana, li dak iż-żmien hu kien dieħel u ħiereġ l-isptar għall-kura u kien għahekk li ma setax imur jiffirma. L-Ispettur Azzopardi qal li hu ma kienx infurmat dwar dan.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mil-Qorti fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ affidabilità ta’ Bejaoui.