Ekwipaġġ mis-Siġġiewi Rowing Club ikklassifika fit-tieni post fit-tiġrijiet ta’ Gozzo waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ li saru dan ix-xahar, f’Taranto, l-Italja. Il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ huma avveniment annwali li matulom qaddiefa internazzjonali jikkompetu kontra xulxin fuq diversi dgħajjes ‘fixed-seat’ fosthom il-Gozzo Nazionale, dgħajsa tipika tal-Ligurja, li tinqadef minn erba’ qaddiefa bilqiegħda u coxswain.
Waqt it-tiġrijiet Gozzo 2022 tal-irġiel, l-ekwipaġġ tas-Siġġiewi kiseb l-ewwel post fis-semifinali u t-tieni, wara l-ekwipaġġ Taljan, fil-finali fejn Siġġiewi akkwistaw il-midalja tal-fidda. L-ekwipaġġ tas-Siġġiewi Rowing Club kien magħmul minn Mark Schembri, Ivan Cassar, Joseph Grima, Kyle Spagnol u Kurt Cassar bħala coxswain. Il-qaddiefa tas-Siġġiewi kkompetew ukoll fil-‘Voga in Piedi’ (dgħajsa tinqadef bilwieqfa fl-istil Venezjan), u f’diversi ekwipaġġi mħallta fuq il-‘Lancia’ tradizzjonali ta’ 10 imqadef fejn ekwipaġġ minnhom ikklassifika fit-tielet post.
Il-Kampjonati Ewropej tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ huma organizzati u approvati Federazzjoni Taljana tal-Qdif ‘Fixed-Seat’ (FICSF), entita` affiljata mal-Kumitat Olimpiku Taljan. Din il-federazzjoni hija responsabbli għal uħud mill-aktar regatti prestiġjużi fl-Italja, inkluż ir-‘Regatta delle Antiche Repubbliche Marinare’ li ssir bejn Amalfi, Genova, Pisa u Venezja.
Is-Siġġiewi Rowing Club huwa klabb sportiv inklussiv li twaqqaf fl-2016 bil-għan li jlaqqa’ flimkien individwi ta’ kull età u kapaċità, u jiggwidahom professjonalment fil-vjaġġ tagħhom fl-isport tal-qdif. Il-Club jilqa’ taħlita ta’ atleti, para-atleti, u atleti b’diżabilità intellettwali, ta’ kull età (minn Junior sa Master) kemm nisa u kif ukoll rġiel, li jitħarrġu fuq dgħajjes ‘fixed-seat’ u ‘sliding-seat’ Olimpiċi u Kostali, kif ukoll fl-‘indoor rowing’. Il-Klabb huwa membru sħiħ fi ħdan l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor u huwa wieħed mit-tmien klabbs tal-qdif li jipparteċipaw fir-Regatti Nazzjonali Maltin li jsiru fil-31 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Settembru.