Ħamsa u sittin persuna bħalissa qed jingħataw taħriġ dwar restawr tal-ħitan tas-sejjieħ.
Dan il-kors jagħti l-opportunita lill-istudenti ta’ prattika biex jiksbu t-teknika tal-bini u anki għarfien dwar ix-xogħlijiet ta’ tiswija.
Dan it-taħriġ qed isir mill-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini u l-Istitut tal-Bini għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
L-Assistent Direttur tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, Nadette Azzopardi qalet li l-għan ta’ dan it-taħriġ huwa li jkunu ssalvagwardjati s-snajjiet tal-bini, li ilhom jeżistu għal mijiet ta’ snin.
“Hawnhekk qed naraw taħriġ tal-ħitan tas-sejjieħ, li huwa taħriġ bażiku għal individwu li jridu jitgħallmu s-snajja tagħhom u wkoll ’il quddiem ħa noffru livell ta’ taħriġ iktar li huwa ta’ livell MQF Level 3, li huwa l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ.”
Fl-aħħar ħames snin, kien hemm aktar minn 240 persuna li għamlu dan it-taħriġ fil-bini tal-ħajt tas-sejjieħ.
Waqt li żar sessjoni ta’ taħriġ, il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi semma li dan it-taħriġ huwa importanti sabiex tinżamm din it-tradizzjoni.
“Dan huwa mezz ta’ kif inkomplu nagħtu aktar ħiliet u aktar taħriġ, biex intejbu l-kwalita, kif ukoll naraw li ħiliet tradizzjonali ta’ pajjiżna, nibqgħu nħarsuhom u nibqgħu nħarsu dak li huwa bini tradizzjonali.”