Il-Budget għas-sena d-dieħla jaħseb għall-futur tal-pajjiż, filwaqt li jindirizza r-realtajiet preżenti. Kiteb dan il-Prim Ministru Robert Abela, f’artiklu f’The Sunday Times of Malta, li fih spjega kif, filwaqt li l-Gvern qiegħed jagħti l-ikbar għajnuniet, qed jagħmel dan bl-iktar mod sostenibbli.
“Fil-Budget 2023 tajna l-ikbar appoġġ li qatt ingħata biex niġġieldu l-effetti tal-inflazzjoni. Billi żammejna l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli naqqasna bin-nofs il-potenzjal tar-rata tal-inflazzjoni, li ffaċċjaw in-negozji u l-familji,” kiteb il-Prim Ministru Abela, li spjega li, kieku ma sarx hekk, familja medja kien ikollha toħroġ elfejn ewro mill-but f’sena kif qed jiġri f’pajjiżi oħra.
“Malta hi probabbilment wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja fejn il-Gvern qed jerfa’ b’mod sħiħ il-prezz taż-żieda fl-enerġija u l-fjuwil. U ma waqafniex hemm,” kompla jispjega l-Prim Ministru, li fisser kif il-Budget mhux biss saħħaħ il-benefiċċji soċjali eżistenti iżda daħħal ukoll oħrajn ġodda. Fost l-oħrajn, il-pensjonanti se jkunu qed igawdu minn żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa, u dan huwa biss il-minimu hekk kif eluf ta’ pensjonanti jgawdu wkoll minn żidiet oħra.
Il-Prim Ministru spjega kategoriji oħra li se jirċievu l-appoġġ, bħall-familji bit-tfal, li se jieħdu żidiet fiċ-ċhildrens allowance u tax credits ogħla għas-sehem ta’ wliedhom f’attivitajiet ekstrakurrikulari. Kif imwiegħed fil-manifest elettorali, se tingħata wkoll għajnuna ġdida lill-first-time buyers: €10,000 fuq għaxar snin għal dawk li jixtru b’self mill-bank.
“In-nefqa fuq l-aspett soċjali se tkun kumplimentata b’investiment kapitali biex nibnu l-kundizzjonijiet ta’ prosperità ġdida. Is-sena d-dieħla nibdew il-proċess biex ninvestu €700 miljun fi spazji ħodor u miftuħa, fl-istess ħin li niffinalizaw proġetti li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma tagħna,” kiteb il-Prim Ministru, li spjega wkoll kif il-pajjiż għandu l-ikbar budget għas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-aspett soċjali.
“Dan kollu qed nagħmluh b’mod sostenibbli, hekk kif ir-rata tad-dejn tibqa’ taħt is-sittin fil-mija, waħda mill-inqas fl-unjoni Ewropea, u d-defiċit qed ikompli jonqos,” sostna l-Prim Ministru li temm jikteb kif it-tkabbir ekonomiku u l-fatt li pajjiżna għandu fost l-inqas rata ta’ qgħad se jibqgħu jigarantixxu ċertezza u stabbiltà.