Għall-ewwel darba fl-istorja, Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f’investiment kapitali taħt l-inizjattiva Sustainable Urban Development.
Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ċertezza u Stabbiltà li matula elenka u spjega l-miżuri tal-Budget 2023 relatati mal-istess Ministeru.
Il-Ministru Clint Camilleri semma fost oħrajn kif Għawdex ukoll se jkun qiegħed jebbenefika minn għaxra fil-mija tal-investiment ta’ koeżjoni u agrikoli tal-fondi tal-Unjoni Ewropea fejn dan ifisser ukoll li fis-seba’ snin li ġejjin, Għawdex se jkun qed jibbenefika minn madwar €100 miljun oħra minn fondi Ewropej li se jiġu investiti f’Għawdex.
L-infrastruttura fil-ġzira Għawdxija baqgħet prijorità għall-Ministeru għal Għawdex fejn tkompla l-programm ambizzjuż ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq.
Waqt din il-konferenza ġie spjegat li se jibqa’ jingħata prijorità investiment fil-konnettività bejn Malta u Għawdex.
“Determinati wkoll li naraw li s-servizz tal-fast ferry ikun wieħed li jaqdi sew il-bżonnijiet tal-Għawdxin u tal-Maltin u kull min jagħmel użu minnu. Għal dan il-għan il-Gvern qed jiddiskuti mal-Kumissjoni Ewropea biex ikun hemm kuntratt ta’ servizz pubbliku propju għas-sentejn li ġejjin. Dan ifisser li la darba ikun hemm dan il-ftehim l-operaturi qed jikkomettu ruħhom li jipprovdu servizz meħtieġ għall-pubbliku b’timetables li jaqdu l-eżiġenzi ta’ kulħadd u bi skeda li tkun f’idejn il-Gvern.
Il-Ministru Camilleri stqarr li dan hu Budget ieħor b’investiment b’saħħtu fl-edukazzjoni. Dan hekk kif f’Għawdex ukoll l-edukazzjoni qed tingħata l-importanza li tixirqilha u fost ir-rinnovar li qed isir fl-iskejjel se jitkompla x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur u tar-Rabat.
L-inċentivi fiskali għall-propjetà se jkomplu wkoll. Fil-fatt qed jiġu estiżi l-iskemi tal-propjetà jiġifieri l-iskemi ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, second-time buyers u x-xiri ta’ proprjetà f’Għawdex. F’Għawdex il-first-time buyers se jbbenefikaw minn €30,000, id-doppju ta’ Malta.
Fost id-diversi kisbiet li Għawdex irnexxiela tikseb, l-Ministru Camilleri fakkar li ċ-Ċittadella ntgħażlet għar-Regiostars Awards fost 300 proġett u ġiet innominata fost l-aqwa 15-il proġett li qatt saru mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li dan huwa tragward importanti ħafna għal din il-gżira tat-tliet għoljiet fejn bil-fatti l-Gvern kontinwament qed ikompli jinvesti f’Għawdex u qed ibiddel lill-gżira Għawdxija f’mutur ekonomiku.
“Dan kollu qed iwassal għal pajjiż li joffri ċertezza u stabbilità biex inkomplu nibnu ġejjieni sabiħ għal Għawdex u għal Malta tagħna, għal uliedna u għal dawk kollha li jagħżlu li jgħixu f’dan il-pajjiż hekk għal qalbna.”