Kull ġimgħa Arani Issa dejjem jissorprendi bl-isbuħija tal-protagonisti Maltin u Għawdxin li Joseph Chetcuti ilaqqgħana magħhom. Il-programm li jmiss Arani Issa ser ilaqqgħana ma’ tliet personaġġi li jagħmluna tassew kburin illi aħna Maltin u Għawdxin bħalhom!
Fil-programm ta’ din il-ġimgħa, ser napprezzaw flimkien lil Marosuka, omm Jake, dan il-ġuvnott famuż għall-kuraġġ u għemilu! Għaliex min ma jafux lil Jake? X’eżempju jagħtina dan iż-żgħażugħ li minkejja d-diffikultajiet li ta’ kuljum jgħaddi minnhom jispirana bid-determinazzjoni tiegħu u bil-valuri sodi ta’ pożitivita u tama.
Niltaqgħu wkoll mal-istorja ta’ Jeanette, omm tal-familja b’diversi bżonnijiet u neċessitajiet li ġie innominata minn Fr. Marcellino, il-persuna wara s-Soup Kitchen! Ser ikunu mumenti iebsin u emozzjonanti hekk kif Joseph Chetcuti jidhol fid-dar ta’ Jeanette fil-Belt Valletta u jara u jmiss b’idejh stess id-diffikultaijiet li din il-familja taffaċja kuljum. Wiċċ Joseph Chetcuti jixhed dan hekk kif għal darb’oħra Joseph jiġi bla kliem fid-dar umli ta’ Jeanette. X’sorpriża ħejja għal din il-familja grazzi għall-MRCD Bathrooms u l-KREA fost ħafna sponsors oħrajn ta’ qalb kbira sabiex jgħin lil din il-familja takkwista d-dinjita’ li tixraqilha lura.
U l-istess it-tielet storja ta’ Mariolina – mara u omm li għaddiet minn ħafna li ser iżżommkom imwaħħlin mat-televizjoni tagħkom hekk kif Mariolina tirrakkonta l-istorja tagħha, storja ta’ diffikultajiet kbar kemm fit-trobbija tagħha kif ukoll illum il-ġurnata.
Dan u aktar f’Arani Issa ta’ din il-ġimgħa.