“Dan huwa Budget li jaħseb għal lum għax jilqa’ għall-isfidi li għandna madwar id-dinja, però iktar u iktar minn hekk, jaħseb għal għada.”
Sostna dan il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’ hekk kif ta rendikont tal-miżuri li jolqtu lil settur ekonomiku fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Silvio Schembri sostna li s-sena li għaddiet Malta kellha rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 10.3%, kważi d-doppju tal-medja Ewropea.
“In-numri ma jigdbux, u n-numri x’qed jgħidu? Qed jgħidu li s-sena li għaddiet Malta kellna rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 10.3%, kważi d-doppju tal-medja Ewropea u din mhux ċajta meta tara li biċċa gżira, biċċa blata fil-Mediterran mingħajr riżorsi, ngħaddu minn sfida wara oħra kbira li poġġiet għarkupptejhom ekonomiji kbar, iżda pajjiżna għandna ekonomija reżiljenti, tikber b’rata bħal dik.”
Madankollu, sostna li dan ma waqqafx lil dan il-Gvern milli jkompli jaħdem sabiex isaħħaħ is-settur ekonomiku ta’ pajjiżna.
Kien hawn li semma numru ta’ miżuri maħsuba għas-sena li ġejja, fosthom dawk li jiffaċilitaw il-proċessi għan-negozji u li jnaqqsu l-burokrazija. Dawn jinkludu t-twaqqif ta’ kumitat apposta biex isir xoghol fuq tliet punti ewlenin. Dawn huma l-uffiċċju li se jkun qed jidħol f’sitwazzjonijiet fejn kumpaniji jkunu rrifjutati self mingħajr raġuni u d-Due Diligence Repository System għall-entitajiet governattivi, iżda mhux biss.
“L-ewwel għan primarju huwa li nistabbilixxu qafas regolatorju li jagħti dritt lil kumpaniji jkollhom kont bankarju. Nafu kemm għandek diversi kumpaniji li jsibuha diffiċli mhux biss li jiftħu kont bankarju imma l-proċess u t-tul ta’ żmien.”
Il-Ministru Silvio Schembri semma wkoll li dan il-kumitat se jara li tiġi introdotta sistema ċentralizzata bil-ħsieb li din tiġi implimentata fl-awtoritajiet pubbliċi u eventwalment għas-settur privat ukoll biex jitnaqqsu l-proċessi u jitpoġġew kollha taħt saqaf wieħed.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll li pajjiżna qiegħed jinvesti €470 miljun fuq seba’ snin f’infrastruttura industrijali.
Dan minbarra l-bini ta’ plots u fabbriki ġodda, kif ukoll proġett ta’ €36 miljun f’aċċessibbiltà f’toroq ġodda f’żoni industrijali. Fil-fatt bħalissa qiegħed isir xogħol fiż-żoni industrijali ta’ Ħal Luqa, Bulebel, u Ħal Far, fost oħrajn.
Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar is-setturi tal-avjazzjoni u dak marittimu.
“Is-sena d-dieħla wkoll, INDIS Malta, flimkien ma’ awtoritajiet oħra, se jniedu pjan strateġiku għaż-żona tal-ajruport. Hawn opportunitajiet kbar f’dan is-settur li jħarsu saħansitra għall-25 sena li ġejjin. Hawnhekk ifisser li qed inħarsu lejn setturi li jħarsu l-MRO facilities, private jets, akkademja wkoll, cargo facilities, loġistika, fost oħrajn.”
Dwar is-settur diġitali, il-Ministru Silvio Schembri qal li fi żmien il-pandemija dan kiber b’20%. Madankollu, mill-ġdid afferma l-bżonn li dan ikompli jimraħ u jikber.
Qal li dan jista’ jsir bl-għajnuna wkoll ta’ fondi Ewropej, u spjega li fost oħrajn il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-proposta tal-Malta Digital Innovation Authority sabiex id-Digital Innovation Hub jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej.
Fost oħrajn, qal ukoll kif fix-xahar li ġej se titnieda l-istrateġija ‘Malta Diġitali’ biex tfassal il-pjanijiet għal dan is-settur għas-snin li ġejjin.
Dwar is-settur tal-gaming, il-Ministru Silvio Schembri qal li waqt il-perjodu tal-pandemija żdiedu bi elfejn l-impjiegi f’dan is-settur, għal total ta’ 11,000.
Semma wkoll kif l-istrateġija favur investiment fil-qasam tal-video game development u esports wasslet biex illum għandna 300 ħaddiem f’dan il-qasam, b’madwar 20 kumpanija jaħdmu minn pajjiżna.
Dwar is-settur tal- Blockchain, Fintech, u Crypto il-Ministru Schembri qal li llum diġà hawn 11-il kumpanija liċenzjata fil-crypto, 10 service providers, 600 ħaddiem, u 9 biljuni f’assi.
Dawn apparti kumpaniji fuq blockchain li m’għandhomx bżonn liċenzja.