Id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista kompla jkun sors ta’ inkwiet kbir għad-Deputati fid-Dar Ċentrali.
Konferenza tal-aħbarijiet kixfet kif id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista lanqas qed iħossuhom komdi jikkwotaw il-proposti li dan id-dokument li jinkludi.
Dan wara li lbieraħ din il-kamra tal-aħbarijiet żvelat kif il-Partit Nazzjonalista kellu jħassar il-konferenzi li kellu skedati dwar dan id-dokument, wara l-kritika kbira li qala’.
Id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista kompla jkun sors ta’ konfużjoni u skumidità kbira għad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Dan deher biċ-ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, fejn ONE News staqsa proprju dwar dan id-dokument. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, ma ġew elenkati l-ebda proposti minn dan id-dokument dwar is-suġġett tal-konferenza.
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, viżibbilment skomdu, ma’ lissinx imqar proposta waħda minn dak li ppropona l-Partit Nazzjonalista, biex b’hekk kompliet tiġi kkonfermata l-iskumdità tad-Deputati ta’ Bernard Grech li jikkwotaw dan id-dokument.
Ġurnalist – “Kif ma semmejt xejn mill-Pre-Budget Document tal-PN dwar il-faqar per eżempju?”
“Aħna l-press conference ta’ llum kienet proprju dwar din l-issue.”
Li Bartolo ma tkellimx fuq id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista kompla jikkonferma l-esklussiva li żvela ONE News il-Ħamis, meta tħabbar li l-Partit Nazzjonalista ħassar il-konferenzi tal-aħbarijiet li kellu skedati sabiex jispjega dan id-dokument wara l-kritika li dan l-istess dokument qala’ minħabba t-tgerfix li kien fih.
Fil-fatt, kien qal li kellu jsir dan il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.
“Irrid ngħid illi, fil-jiem li ġejjin, se nkunu qed nagħtu iktar dettalji mid-deputati rispettivi, settur settur, dekasteru dekasteru, naturalment, dwar l-oqsma varji.”
Madankollu, dawn il-konferenzi qatt ma saru u dwar dan staqsejna wkoll lli-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ. Hija sostniet li kien hemm raġunijiet wara l-fatt li dawn il-konferenzi qatt ma saru.
Ġurnalist – “Il-Partit Nazzjonalista qal li kellhom isiru numru ta’ press conferences biex jispjega dan id-dokument. Għaliex ma sarux?”
Graziella Attard Previ: “Żgur illi x-schedule ta’ kif jitqassam ix-xogħol kellu jitwettaq.”
Ġurnalist – “Ma twettqux imma dawn il-press conferences.”
Graziella Attard Previ: “Żgur li jkun hemm raġunijiet.”
Ftit tal-jiem ilu l-editur maniġerjali tal-MediaToday u ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan, sostna li Bernard Grech lanqas biss qara d-dokument li ppreżenta l-partit tiegħu stess.
Balzan saħansitra sostna li, anke kieku Bernard Grech qara d-dokument, ħaqqu ċamata talli kien traskurat. Qal ukoll li dan il-każ jikkonferma mill-ġdid kemm il-Partit Nazzjonalista m’għandux sustanza.
Tal-istess fehma kien l-editur tal-gazzetta Illum, li fl-editorjal tiegħu nnota d-dokument ta’ qabel il-Budget mimli żbalji tal-Partit Nazzjonalista.
L-editur tal-Illum saħanstra stieden lill-Partit Nazzjonalista biex jara dokumenti tas-sħab soċjali, li saru bi professjonalità u li qajmu punti pertinenti.