Matul is-sena d-dieħla se terġa’ tiftaħ l-iskema li biha jintradd lura sa massimu ta’ €12,000 lil dawk li jixtru karozza elettrika, b’investiment ta’ €50 miljun fuq medda ta’ tliet snin.
Is-sena d-dieħla, din l-iskema se tkun qed tara €15-il miljun investiti biex kull min jixtri karozza elettrika ikun intitolat għall-għotja ta’ €11,000, li titla’ sa €12,000 f’każ li tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’ li fiha ġew spjegati l-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla fis-setturi tat-trasport u tal-infrastruttura.
Tħabbar ukoll li l-iskemi dwar l-introduzzjoni ta’ aktar vetturi elettriċi f’pajjiżna se jiġu estiżi għall-mopeds, għall-pedelecs, u għar-roti assistiti b’mutur tal-elettriku. L-inċentiv ikun sa massimu ta’ tliet elef ewro.
Minbarra fil-vetturi privati mistenni jkompli wkoll l-investiment fil-flotta tat-trasport pubbliku l,i mill-ewwel ta’ Ottubru, sar b’xejn għal kull min għandu t-Tallinja Card.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttur,a u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, ħabbar li, minħabba żieda fid-domanda, il-flotta tat-trasport pubbliku se tkompli tikber b’vetturi elettriċi.
“Sal-ewwel kwart tal-2023, fix-xhur li ġejjin, se jkollna ħamsa u għoxrin bus ġdida mal-flotta preżenti. Iktar vetturi, iktar frekwenzi. It-tajjeb huwa li ġibna investiment biex dawn il-vetturi jkunu elettriċi, jiġifieri l-ħamsa u għoxrin vettura ġdida se jkunu lkoll vetturi elettriċi.”
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li, apparti dawn il-vetturi li se jiżdiedu mal-flotta, qed issir ħidma sabiex aktar minn mitt vettura elettrika jkunu parti mill-flotta tat-trasport pubbliku.
Il-proġetti infrastutturali bħal dawk tal-Luqa Junction u l-mini ta’ Ħal Kirkop se jiġu ffinalizzati filwaqt li jinbeda x-xogħol fuq proġetti oħra sabiex ikompli jiġi indirizzat it-traffiku.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li matul is-sena d-dieħla se tkompli wkoll il-ħidma fuq il-qasam marittimu, bit-tnedija ta’ politika dwar is-superyachts, u fil-qasam tal-avjazzjoni, bit-tkabbir tar-reġistru nazzjonali 9H.
Fir-rigward tal-proġett tal-metro, il-Ministru Farrugia nnota li, fid-dawl li tal-fatt li ġie konkluż ir-rapport tekniku li għamlet il-kumpanija Arup, issa qed isir studju dwar il-vijabilità ekonomika ta’ dan il-proġett għal pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett, li wkoll indirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem dwar l-importanza tal-Fondi Ewropej f’dan il-qasam.
Huwa spjega li l-istrument finanzjarju li tnieda s-sena li għaddiet biex jgħin lin-nies jinvestu fi prodotti li jaħdmu bl-enerġija rinovabbli issa dan l-istrument se jiġi estiż għax-xiri tal-vetturi elettriċi wkoll.
“Dan l-istrument finanzjarju qed jiġi implimentat minn żewġ banek lokali, jiġifieri l-Bank of Valletta plc u l-APS Bank, li b’investiment ta’ €15-il miljun mill-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, huwa mmirat li jiġġenera portafoll ta’ self ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro. Sal-lum, 88 persuna bbenefikaw minn self bħal dan, bil-għan li ninkoraġġixxu aktar nies jaqilbu għal vetturi elettriċi.”
Is-Segretarju Parlamentari Bonnett temm jgħid kif mhux biss individwi privati jistgħu jgawdu minn dan is-self b’rati ta’ interess baxxi iżda anki kumpaniji żgħar u medji u intrapriżi kbar, fost l-oħrajn.