Fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jibda bit-twettiq tal-Garanzija tat-Tfal, li ġiet varata f’Ġunju li għadda u li kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-aħħar elezzjoni ġenerali.
B’kollox, fil-Budget għas-sena d-dieħla, se jkun hemm pakkett ta’ miżuri mmirati għall-familji u għat-tfal li jammonta għal €20 miljun.
Fost dawn hemm iż-żieda fiċ-children’s allowance, li se tkun ta’ €90 fis-sena.
Tkellem dwar dan il-Ministru responsabbli mid-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’.
“Fil-manifest elettorali wegħidna illi tul din il-leġiżlatura ċ-children’s allowances se jiżdiedu b’€450 għal kull wild. Bdejna billi nwettqu dik il-wegħda tal-manifest elettorali u bdejna din is-sena billi bdejna bl-ewwel biċċa ta’ dawk l-€450, fejn allura l-familji tagħna se jaraw żieda ta’ €90 għal kull wild li għandhom.”
Din il-miżura tolqot li madwar 62,000 tifel u tifla, li jiffurmaw parti minn 41,000 familja.
Huwa semma l-għotjiet meta familji jaddottaw lit-tfal: għotja ta’ €10,000 lil dawk li jaddottaw tfal minn barra minn Malta, waqt li dawk li jaddottaw minn pajjiżna stess jingħataw għotja ta’ €1,000.
Il-Ministru Michael Falzon semma wkoll li, għall-ewwel darba se jkun hemm inċentiv għal perjodu ta’ erba’ snin għal dawk il-ġenituri li jkunu qed jiffosterjaw u jaddottaw.
Osserva li l-carers’ grant mis-sena d-dieħla se titla’ minn €500 għal €4,500. Din l-għotja tingħata lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux joħorġu jaħdmu minħabba li jieħdu ħsieb lil uliedhom adulti b’diżabilità severa.