Raħħala sabu l-katavru ta’ mara Indoneżjana li kienet irrapportata nieqsa f’żaqq serp kbir.
Awtoritajiet Indoneżjaqni ħabbru li l-katavru nstab wara li nqatel is-serp.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-mara ħarġet għax-xogħol f’foresta fil-Provinċja ta’ Jambi fil-Gżira ta’ Sumatra, l-Indoneżja. Żewġha beda jinkwieta wara li naqset milli tirritorna dak il-lejl, u avża lil raħħala oħra filwaqt li rrapportaha nieqsa.
Dak il-lejl ġiet organizzata tfittxija biex tinstab il-mara ta’ 54 sena, li hija omm u nanna. Sfortunatament, sabu biss sandli, xalpa u ġakketta, u l-għodda li kienet tuża biex tiġbor il-gomma. Il-produzzjoni tal-gomma hija industrija kbira fl-Indoneżja.
It-tfittxija rriżultat b’suċċess jum wara, meta skoprew python twil 22 pied (tul 6.7 metri) bi stonku minfuħ jistrieħu fil-bosk.
Filmat li qed idur online juri r-raħħala joqtlu lis-serp – filmat brutali wisq biex naqsmuh hawn.
F’żaqq is-serp sabu l-fdalijiet mhux diġeriti u intatti tal-mara. Il-Pulizija ikkonfermat mal-mezzi lokali tax-xandir li l-katavru tal-vittma ma nqeridx meta nstab ġewwa s-serp, li jfisser li kienet inbelgħet sħiħa ftit qabel instgħabet.
Għalkemm mhux ċar kif inqatlet, hu maħsub li nħatfet mis-python u ġiet fgata bil-mod qabel inbelgħat kollha.