Ħaddiem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li ta fastidiju sesswali lil membru tal-istess orkestra.
Ir-raġel huwa Għawdxi ta’ 31 sena, u ismu ma jistax jiġi żvelat b’ordni tal-Qorti. Huwa ammetta għall-akkużi ta’ fastidju, li suġġetta lill-mara għal atti ta’ intimità fiżika u mġiba b’implikazzjonijiet sesswali, kif ukoll li uża tagħmir elettroniku b’mod ħażin.
Il-mara qalet li s-saħħa fiżika u mentali tagħha kienet affettwata ħażin, u ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tirriżenja biex tagħti prijorità lill-benesseri tagħha. Hija qalet li rriżenjat minħabba l-“istress eċċessiv” ikkawżat mill-abbuż.
L-avukati tal-akkużat sostnew li r-raġel sofra ansjetà, tant li kellu jiġi lura Malta meta kien barra mill-pajjiż jistudja biex isir vjolinista. Qalu li huwa kien taħt kura medika u talbu biex dan il-fatt jitqies fl-għoti tas-sentenza. Qalu wkoll li, minn meta sar jaf bl-allegazzjonijiet f’Lulju, m’għamel ebda kuntatt mal-mara.
Wara li qieset ir-rapport tal-pulizija, tal-kondotta tal-imputat, u l-ammissjoni tiegħu bħala ħati, il-Qorti kkundannatu għal sena ħabs sospiża għal erba’ snin u poġġietu taħt ordni ta’ trażżin għal ħames snin.