Il-Bank Ċentrali ħabbar li djalogi li saru bejnu u kumpaniji mhux finanzjarji matul it-tielet kwart tal-2022 juru li, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tan-negozju u l-aspettattivi tal-attività finanzjarja għat-tliet xhur li ġejjin huma pożittivi.
Il-Bakm Ċentrali qal li l-pjanijiet ta’ investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat, filwaqt li 48% tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema. Dan ifisser żieda ta’ 6% meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel.
Il-bank entrali rrapporta li 44% tan-negozji intervistati rrappurtaw li qed jistennew li l-attività kummerċjali ser tiżdied fit-tliet xhur li ġejjin, filwaqt li 10% antiċipaw tnaqqis. Għalhekk, proporzjon nett ta’ 35% qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali, meta mqabbel ma’ 31% fil-kwart preċedenti.
“Fit-tielet kwart tal-2022, il-kundizzjonijiet tan-negozju komplew jitjiebu. Fil-fatt, il-perċentwal nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-attività matul it-tliet xhur ta’ qabel l-intervista żdied marġinalment minn 52% fit-tieni kwart għal 54 % fit-tielet kwart. Matul dan il-kwart, 62% tan-negozji kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività filwaqt li 8% arrappurtaw tnaqqis,” qal il-Bank Ċentrali.
Il-Bank Ċentrali nnota li, fiċ-ċirkustanzi preżenti, iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b’saħħithom u mifruxin, u dawn qed jiġu riflessi parzjalment fi prezzijiet ogħla tal-bejgħ. Fl-istess waqt, in-negozji komplew juru tħassib rigward in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-pressjonijiet fuq il-pagi.