Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Indja, Gloria Gangte, ippreżentat l-ittri ta’ kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Hi ddeskriviet ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi bħala tradizzjonalment eċċellenti u enfasizzat id-determinazzjoni tagħha li tiżgura li din is-sħubija tkompli tiżviluppa flimkien mal-iżviluppi ġeopolitiċi u teknoloġiċi. L-oqsma tad-diġitalizzazzjoni, il-farmaċewtika u s-saħħa ssemmew bħala fost dawk l-aktar promettenti.
Il-president laqa’ l-impenn tal-Kummissarju Għoli u żied jgħid li r-relazzjonijiet komplew jiġi mogħnija permezz tal-preżenza ta’ komunità mdaqqsa ta’ ċittadini Indjani impjegati f’Malta, primarjament fis-settur tas-saħħa. Il-President irrefera għall-proġetti ta’ kooperazzjoni li għaddejjin bħalissa fil-Commonwealth u fil-Laqgħa bejn l-Asja u l-EU, fost l-oħrajn, u enfasizza l-ħtieġa li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat globalment permezz ta’ miżuri effettivi.