Riħ kalm ta’ forza wieħed u smewwiet ċari (u għalhekk umdità għolja) għamluha favorevoli ħafna għall-formazzjoni ta’ ċpar li esperjenzaw il-gżejjer Maltin dalgħodu.
Temperaturi aktar baxxi fl-art, kessħu l-arja biswit permezz tal-konduzzjoni (conduction), u kaġun ta’ dan, it-temperatura tal-arja niżlet u ħolqot in-nida, li ifformat iċ-ċpar.
Staqsejna lill-Uffiċju Metereoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jekk hux se jkollna aktar jiem ta’ ċpar:
“Diffiċli ħafna li wieħed ibassar iċ-ċpar, speċjalment ċpar mifrux bħal dawk li l-Gżejjer Maltin qamu bihom dalgħodu. Dan għaliex minkejja li jkun hemm il-kundizzjonijiet kollha għall-formazzjoni taċ-ċpar, mhux dejjem iwasslu għall-preżenza tiegħu.”
Kmieni dalgħodu, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Ħal Luqa, iċ-ċpar kien partikolarment dens, li wassal lill-Met Office biex jirrapporta viżibilità żero għal perjodu ta’ sagħtejn.
Madankollu, minħabba s-smewwiet ċari, iċ-ċpar infirex malajr hekk kif sebaħ.
Fl-aħħar jumejn, għalkemm ma kien irrappurtat ebda ċpar fl-ajruport ta’ Ħal Luqa, nafu li f’ċerti lokalitajiet, u speċjalment fuq għelieqi, ifforma ċpar baxx. Huwa normali li ċ-ċpar jifforma f’dan iż-żmien tas-sena, ċioe fil-ħarifa, kif ukoll fir-rebbiegħa.
“Iżda jista’ jkollna formazzjoni taċ-ċpar anke meta l-inqas nistennewha,” temm jgħid l-Uffiċju Metereoloġiku.
Ritratti ta’ D. Cachia:
Jekk tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet interessanti bħal dawn, ibgħat ritratti jew filmati b’email permezz tal-indirizz onenews@onenews.com.mt