Il-Gvern Ukren qal li r-refuġjati Ukreni m’għandhomx għalfejn jirritornaw f’pajjiżhom qabel mill-inqas l-istaġun tar-rebbiegħa, sabiex ma ssirx pressjoni żejda fuq is-sistema tal-enerġija, wara mewġa oħra ta’ attakki mir-Russja.
Id-Deputat Prim Ministru tal-Ukrajna qalet li n-netwerks tal-enerġija ma jkampawx mad-domanda jekk ir-refuġjati jirritornaw u appellat li hemm bżonn li l-pajjiż isalva mix-xitwa.
Hija qalet li filwaqt li tixtieq li l-Ukreni jerġgħu jmorru lura pajjiżhom, huwa importanti li ma jmorrux għalissa għax is-sitwazzjoni tista’ tmur biss għall-agħar.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakki mill-ajru tar-Russja, qerdu aktar minn terz tas-sorsi tal-enerġija fil-pajjiż.