Mill-inqas tliet persuni mietu u seba’ oħra ndarbu wara sparatura fi skola sekondarja f’St Louis, Missouri, fl-Istati Uniti.
Fost il-mejta, hemm dak li hu suspettat li wettaq l-attakk: żagħżugħ ta’ 19-il sena. Iż-żagħżugħ armat daħal fl-Iskola Central Visual & Performing Arts High School ftit wara d-09:00 ħin lokali lbieraħ, minkejja li l-bibien tal-bini tal-iskola kienu msakkra. Ir-raġuni għall-attakk fl-iskola ta’ madwar 400 student għadha mhux stabbilita.
L-istudenti qalu li l-agressur kellu “pistola twila” u li ġġammjat f’nofs l-attakk, u b’hekk ġiet evitatat traġedja ferm ikbar. Qalu wkoll li l-Pulizija aġixxiet malajr biex waqfet l-attakk.
Is-suspettat, identifikat mill-pulizija bħala eks student tal-istess skola, spara tiri lejn il-Pulizija, u dawn sparawlu lura. Aktar tard, l-aggressur tilef ħajtu minħabba l-ġrieħi li sofra.
Tfajla adoloxxenti ġiet iddikjarata mejta fl-iskola stess, filwaqt li mara oħra mietet fl-isptar. Is-seba’ midruba – tliet bniet u erba’ subien – ilkoll kellhom ġrieħi li ma kienux ta’ theddida għall-ħajja.