F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta Ċertezza u Stabbiltà”, ftit wara li tħabbar il-budget għas-sena d-dieħla, tkellmu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, u l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana.
It-tnejn li huma nnutaw kif il-miżuri li ħabbar il-Gvern it-Tnejn filgħaxija jolqtu lil kulħadd u żgur se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed li jaħseb f’kulħadd.
“Dan huwa budget li juri l-istabilità. Huwa budget li juri kwalità ta’ ħajja li ħa nibqgħu ngħixu aħna u nżidu fuqha kemm fl-ambjent, kemm fis-saħħa, kemm fis-servizzi soċjali, kemm fl-edukazzjoni, kemm fl-infrastruttura, imma fuq kollox, dan huwa budget li jimpurtah minnek bħala individwu, li jimpurtah minnek bħala Malti u bħala Maltija.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana qal kif l-imsieħba soċjali, partikolarment dawk li jirrappreżentaw lill-ħaddiema huma sodisfatti għall-mod kif il-Gvern qed jipproteġihom f’dak li qed jagħmel u jinvesti fil-qasam tal-enerġija.
Wara li qara d-diskors tal-budget, Il-Ministru qal kif dan kollu se jgħin lil dawk li jifilħu lanqas f’pajjiżna filwaqt li jinkludi proposti mill-Manifest Elettorali tal-Gvern.
“Se naraw ukoll li d-defiċit ta’ dan il-Gvern, sena wara l-oħra, ser ikompli jinżel. Se nkunu nfaqna sitt mija iktar għas-sena d-dieħla fil-kontijiet. Se nkunu nfaqna wkoll kważi mitt miljun sabiex nagħtu diversi żidiet għall-għoli tal-ħajja fid-diversi oqsma. Seba’ mitt miljun. L-ebda Gvern fl-istorja qatt ma nefaq dawn it-tip ta’ spejjeż f’sena waħda. Kulma qed ngħidu żewġ affarjiet li jiswew daqstant flus imma xorta waħda niġu b’wiċċna minn quddiem is-sena d-dieħla imma din is-sena għandna budget tajjeb u l-istess se nkunu qed nagħmlu s-sena d-dieħla. Se nagħmluh għal ħaġa importanti ħafna wkoll, għaliex jekk hemm xi ħaġa li dan il-Gvern matul dawn is-snin bena hija l-kredibilità tiegħu fil-mod ta’ kif imexxi l-finanzi u l-ekonomija.”
Il-Ministru għall-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana