Meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-każ tal-eks kappillan ta’ Marsaxlokk, Dun Luke Seguna, rappreżentant tal-Kurja qal lill-Qorti li l-Kurja ma kellha l-ebda suspett ta’ xi ħażen li kien jinvolvi lill-qassis.
Dun Seguna jinsab akkużar li ffroda madwar €500,000 mogħtija lilu minn 150 parruċċan; akkużi li hu qed jiċħad kategorikament.
Is-segretarju amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, xehed li minn rapporti li ġew ippreżentati lill-Arċidjoċesi, id-dħul mill-parroċċa ta’ Marsaxlokk naqas drastikament. Madankollu, stqarr li dan it-tnaqqis kien konsistenti mat-tnaqqis li esperjenzaw parroċċi oħra fl-istess perjodu u li ma kien hemm xejn barra min-normal.
Meta mistoqsi minn wieħed mill-avukati tal-parte civile, Pace Ross qal li l-Kurja ma ssuspettat l-ebda irregolarita f’Marsaxlokk, u wisq inqas irregolaritajiet kriminali.