Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li b’Jason Azzopardi taħt pressjoni għax jaf li nqabad, meta b’direzzjoni tiegħu ġew imqabbda 3 periti bħala kompromess li mxew fuq il-valutazzjoni tal-1990, biex art ta’ €8miljuni telqet għal €700,000 u li hu kien involut fil-firma tal-kuntratt, issa qed iwaħħal f’Tonio Fenech.
Dan kollu fisser li l-iskandlu tal-Lowenbrau issa kiber. U Simon Busuttil jinsab maqbud f’morsa li ma jistax joħroġ minnha. Morsa bejn żewġ eks-Ministri li magħhom ħadem u għadu jaħdem spalla ma’ spalla, sostna dan il-PL.
L-istqarrija tgħid li min-naħa għandu lil Jason Azzopardi li l-Awditur Ġenerali qed jgħidlu biex jerfa’ r-responsabbiltà, li kien involut mill-bidu sal-aħħar f’dan id-deal u mill-oħra, wara li ħareġ li l-Ministru responsabbli mil-Lands ltaqa’ ma’ Zaren u qalu li se jsib kompromess, spunta l-isem ta’ Fenech li daħlu fil-kobba mħabbla Jason Azzopardi stess, jekk wieħed jasal biex jemmnu li qed jgħid il-verità.
Il-PL temm jgħid li Simon Busuttil ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan kollu u għandu jagħmel dak li qed jgħidlu l-Awditur Ġenerali mill-aktar fiss.