100,000 pensjonant f’Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet tagħhom.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, fil-qari tal-Budget għas-sena d-dieħla. Huwa qal li dan se jissarraf f’żieda totali ta’ €65 miljun fil-bwiet tal-pensjonanti.
Apparti din is-seba’ żieda fil-pensjonijiet taħt gvern Laburista, 56,000 pensjonant li rtiraw mill-2008 ’il quddiem, se jgawdu minn bonus għall-għoli tal-ħajja sa massimu ta’ €1.50 fil-ġimgħa. Dan ifisser nefqa ta’ kważi €1.7 miljun.
Se tkompli tiġi aġġustata wkoll b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol. B’dan l-aġġustament qed jiġi stmat li kważi 9,000 romol se jgawdu minn żidiet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li jistgħu jlaħħqu sa €3.54 oħra fil-ġimgħa, b’nefqa ta’ madwar €1.6 miljun.