Professjonisti li waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jiltaqgħu ma’ vittmi ta’ vjolenza, qed jingħataw taħriġ mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
Dan bħala parti mill-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika, fejn permezz tagħha l-Gvern qed itenni l-impenn tiegħu biex jiġġieled din il-pjaga fis-soċjetà.
Waqt żjara fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinat fejn jiġu organizzati s-sessjonijiet tat-taħriġ, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanzja, Rebecca Buttigieg, tkellmu mal-professjonisti li kienu qed jattendu għal dawn is-sessjonijiet.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri qalet li dawn il-vittmi jkollhom bżonn xi ħadd li jifimhom fl-aktar mument vulnerabbli tagħhom. Għalhekk stqarret li sessjonijiet edukattivi bħal dawn huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza.
“Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hija kburija li torganizza taħriġ professjonali lil dawn il-professjonisti u l-frontliners tul is-sena kollha, nisimgħu il-bżonnijiet tagħhom, dak li jixtiequ jkunu jafu iżjed dwaru, u aħna nidentifikaw esperti li jistgħu jagħtuhom l-aqwa taħriġ possibbli. ”
Il-Ministru Byron Camilleri stqarr li dan huwa Gvern li jagħti importanza lil kulħadd, b’mod speċjali dawk vulnerabbli, u għalhekk tkellem dwar l-importanza li persuni vulnerabbli u vittmi ta’ vjolenza ikollhom dak kollu li għandhom bżonn.
“Kwalunkwe vittma ta’ vjolenza domestika jew inkella gender-based violence tkun vittma għat-tieni darba jekk meta tħabbat il-bieb sabiex tirċievi l-għajnuna sabiex tirċievi l-assistenza, ma tirċevijiex fil-ħin u b’mod professjonali.”
Is-Segretarju Parlamentari, Rebecca Buttigieg stqarret li ma hemm ebda dubju li l-akbar prijorità fil-ġlieda kontra l-vjolenza hija l-edukazzjoni, sabiex kull faxxa tas-soċjetà tkun taf li dan l-aġir mhux tollerabbli. Għalhekk hija saħqet dwar l-importanza ta’ dan it-taħriġ.
“Sar ħafna imma fadal ħafna x’isir ukoll, u għaldaqstant nemmnu li t-taħriġ huwa kruċjali sabiex mhux biss nipprevjenu dan ir-reat iżda nassiguraw li l-vittmi jingħataw is-servizz professjonali meħtieġ meta jkollhom bżonn l-għajnuna mingħand is-servizzi governattivi.”