Taljan, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu.
Huwa ġie mixli li ta fastidju lill-vittma, li tiġi wkoll omm it-tifla tiegħu, ħebb għaliha bil-konsegwenza li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li insulenta.
Dan wara żewġ argumenti li kellha l-koppja li eskalaw b’istanza fejn ir-raġel allegatament prova jifga lill-vittma.
Fil-Qorti ntqal kif fost l-oħrajn, l-akkużat allegatament kien joqgħoq ifittex fil-mobile tal-vittma, ma jħallihiex tmur f’postijiet fejn ikun hemm l-irġiel filwaqt li jkun irid jara xi tkun qed tagħmel.
Intqal ukoll kif allegatament tella’ post fuq Facebook li s-sieħba tiegħu u bintu huma mitlufin, meta s-sieħba tiegħu marret tagħmel ir-rapport għand il-Pulizija. Madanakollu, ma sar l-ebda rapport formali minnu dwar dan lill-Pulizija.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest.
Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Proskezzjoni li argumentat li hemm biża’ ta’ intralċ tal-provi u l-biża’ li l-imputat jaħrab minn Malta.
Minkejja li d-difiża qalet li huwa għandu post fejn jista’ jgħix ‘il bogħod mis-sieħba tiegħu, il-Qorti ma laqgħetx din it-talba.
Għaldaqstant, il-Qorti żammet lill-imputat taħt arrest, anki minħabba l-fatt li l-koppja għandha tarbija ta’ xahrejn.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Audrey Micallef filwaqt li d-difiża kienet immexxija mill-Avukat Franco Debono. F’isem il-parte civile dehret l-Avukat Veronica-Anne Spiteri.