Infrastructure Malta se tkun qed tissottometti pjanti ġodda marbuta mal-proġett infrastrutturali ambizzjuż fl-Imsida, b’investiment ta’ €18-il miljun.
Dan il-proġett se jara tnaqqis ta’ ħin fit-traffiku b’40%, għal min jagħmel użu miż-żona filwaqt li 60% tal-proġett kollu se jagħti spazju pubbliku għar-residenti u dawk li jiffrekwentaw l-akkwati.
F’konfereza tal-aħbarijiet ġie spjegat li permezz tal-proġett, l-Imsida se jkollha pjazza ġdida ta’ elfejn u mitejn metru kwadru quddiem il-Knisja Parrokkjali, flimkien ma’ kanal tal-ilma baħar li huwa maħsub biex itaffi mill-effetti ta’ għargħar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, li spjega kif dan il-bżonn ta’ dan il-proġett ilu jinħass għal snin twal, u issa bi pjanti ġodda, se tkun qed tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar li tant toħloq problemi fix-xhur tax-xitwa.
“Dan il-kanal, l-għan prinċipali tiegħu hu li jsebbaħ il-proġett. L-ilma joħloq il-ħajja imma fl-istess ħin, dan il-kanal se jkun magħqud mas-sistema ta’ storm water system biex l-ilma li normalment jispiċċa f’din iż-żona jkun jista’ jitwaddab għall-baħar b’mod dirett.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon
Intant, ġie spjegat ukoll kif se jiġu eliminati t-traffic lights eżistenti u dawn jinbidlu fi flyovers, biex b’hekk tiżdied l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ din l-arterja. Fost l-oħrajn il-proġett se jinkludi wkoll parkeġġ għal mitt vettura msaqqaf b’pannelli fotovoltajiċi, filwaqt li se jitħawwlu aktar siġar u pjanti madwar il-Monument tal-Ħaddiem, u b’hekk isir parti mill-ġnien pubbliku li se jkun akbar minn dak li hemm illum.
Il-Viċi Sindku tal-Pietà, Anthony Camilleri tkellem ma’ dan l-istazzjon, fejn qal li bħala resident li ilu jgħix f’dawn l-inħawi, jaf sew dwar il-problemi tat-traffiku li jinħolqu fiż-żona ta’ kuljum. Għalhekk huwa stqarr li huwa fiduċjuż, li din il-problema se tiġi indirizzata.
“Jidher li b’dan il-proġett se nsolvuha din il-problema għax kif qed tara b’għajnejk, it-traffiku hawn taraħx bħalissa l-Ħadd, ara fost il-ġimgħa jeħel, biex taqsam minn hawn biex taqsam għall-Pietà, iridu jċedulek għax inkella ma toħroġx, jiġifieri hemm bżonnu, anzi bħal kif qalu l-Ministru u l-Kap Eżekuttiv, missu ilu li sar.”
Il-Viċi Sindku tal-Pietà, Anthony Camilleri
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai qalet li l-introduzzjoni ta’ spazji pubbliċi f’din il-lokalità se tkun qed tolqot waħda mill-akbar ħtiġijiet tar-residenti.
“Bħala proġett huwa bżonnjuż. L-ewwel ħaġa, se jkollna aktar spazju miftuħ għalina r-residenti għax hija l-ewwel mira tagħna, li r-residenti jkollhom spazju miftuħ u ħafna ikbar minn kif inhu bħalissa, u ovjament l-Imsida hi li hi, tal-inqas it-traffiku jgħaddi b’mod aħjar u aktar effiċjenti minn kif inhu bħalissa.”
Is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Aaron Farrugia rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn il-pjanijiet estensivi u dettaljati.
Huwa sostna li dawn waslu wkoll frott laqgħat mal-imsieħba konċernati kollha.
“Fl-aħħar xhur kellna laqgħat ma’ ħafna stakeholders partikolari fejn indirizzajna t-tħassib tagħhom, u llum ninsabu bi pjanti ġodda li ħa ndaħħluhom fis-siegħat li ġejjin permezz ta’ Infrastructure Malta għand il-Planning Authority.”
Il-Ministru tal-Infrastruttura, Aaron Farrugia
Il-proġett huwa stmat li jitlesta f’26 xahar.