Minkejja d-diversi sfidi li ġabet magħha l-pandemija, il-familji Maltin u Għawdxin xorta baqgħu jixtru propjetajiet biex jgħixu fihom.
Fil-fatt, statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, u analizzata mill-gazzetta KullĦadd turi kif fi żmien sentejn, bejn l-2019 u l-2021, pajjiżna ra żieda ta’ ftit aktar minn tnax-il elf familja ssir sid ta’ darha.
Fl-2019, kien hawn 151,260 familja sidien ta’ djarhom meta mqabbel mal-163,425 familja fl-2021, żieda ta’ 12,165 familja.
Il-gazzetta KullĦadd tinnota kif dawn iċ-ċifri intlaħqu grazzi għall-politika li ħaddan Gvern Laburista f’dan is-settur, fejn nieda diversi skemi u għajnuniet biex fost l-oħrajn koppji żgħażagħ jsiru sidien ta’ djarhom u b’hekk jistabilixxu l-bażi tal-istatus fil-ħajja tagħhom.
Fil-fatt, mill-2013 ‘l hawn ġiet introdotta l-iskema tal-First Time Buyers mmirita propju għal dawk li se jkunu qegħdin jixtru l-ewwel residenza tagħhom. Dan kien possibbli wkoll għal politika soċjali u ekonomika li ħeġġet aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, tkompli tgħid il-gazzetta KullĦadd.
Jekk wieħed ikompli janalizza ċ-ċifri tal-NSO, jinnota kif matul l-istess perjodu, jiġifieri dak ta’ bejn l-2019 u l-2021, medja ta’ 17-il familja kuljum saru sidien ta’ djarhom.
Medja kważi tliet darbiet aktar mill-medja ta’ familji li kienu jsiru sidien ta’ djarhom matul l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista bejn 2008 u l-2012.
Minn dak iż-żmien lil hawn, din il-medja kompliet tiżdied kif juru ċ-ċifri bejn l-2012 u l-2019 b’medja ta’ tlettax-il familja kuljum isiru sidien ta’ djarhom kuljum, aktar mid-doppju ta’ żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Bosta kienu dawk li bassru kif l-isfida li ġabet magħha l-pandemija se tkun qed tikkrolla lil dan is-settur. Madanakollu, matul l-2021 ġiet irreġistrata żieda ta’ ftit inqas minn 45,000 familja li saru sidien ta’ djarhom meta mqabbel mal-2012.
L-istatistika tal-NSO, iżda ma tieqafx hawnhekk u turi kif numru sinifikanti minn dawn il-familji kienu single-parents, li sa ftit qabel kienu qegħdin isibuha diffiċli biex jsiru sidien ta’ djarhom.
Fil-fatt, fl-2012 inqas minn sittin fil-mija tal-familji li jsiru sidien ta’ djarhom kienu single parent. Din iċ-ċifra fl-2021 telgħet għal kważi sebgħin fil-mija.
F’numri reali dan ifisser li matul is-sena 2021 aktar minn ħamest’elef u mitejn single-parent laħqu dan it-tragward f’ħajjithom.
Mill-2020 ‘l hawn żdiedu wkoll l-għajnuniet mogħtija mill-Gvern lil dawk li jixtiequ jagħmlu dan il-pass, fosthom bl-introduzzjoni tal-garanzija mill-Gvern fuq id-depożitu ta’ għaxra fil-mija mitlub mill-banek qabel jinħareġ is-self.
Matul il-pandemija kien hemm ukoll inizjattivi li ħallew is-suq ta’ proprjetà jibqa’ wieħed sod.
Il-gazzetta KullĦadd innotat ukoll l-antiċipazzjoni għad-diskors tal-Budget nhar it-Tnejn dwar il-qasam tal-housing f’pajjiżna.
Dan għaliex il-Budget għas-sena 2023 mistenni li jkompli jimplimenta l-wegħdi elettorali tal-manifest ‘Malta Flimkien’ li kien magħżul mill-poplu biex iservi bħala l-programm tal-Gvern għal din il-leġiżlatura.