Id-dokument ta’ qabel il-Budget ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista u miktub mill-kelliem tal-Partit Jerome Caruana Cilia, mhuwiex biss xi ħaġa tal-mistħija imma sinjal ċar li ħadd ma għandu kontroll f’Tal-Pietà.
Kien b’dan il-mod skjett u dirett li l-ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan irrefera għad-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista, li ġie ppreżentat aktar kmieni din il-ġimgħa u li l-midja indipendenti ddeskrivietu bħala wieħed mimli tgerfix.
Dwar id-dokument li propju ġie ppreżentat ftit jiem biss qabel il-Budget, minkejja li l-Gvern kien ilu li ppublika d-dokument tiegħu sa minn iktar minn xahar qabel, Saviour Balzan jgħid li Bernard Grech lanqas biss qara dak li kien hemm fid-dokument tiegħu qabel dan sar pubbliku. Dan għaliex li kieku għamel dan kien jinduna bl-iżbalji orribbli li fih.
Balzan saħansitra jgħid li anke jekk Bernard Grech qara d-dokument, ħaqqu ċamata talli kien traskurat.
Hawn l-editur maniġerjali tal-MediaToday isostni kif l-ekonomija ta’ pajjiżna għandha tkun f’idejn xi ħadd li jista’ jwassal proposti kostruttivi u li għandu viżjoni. Għalhekk tenna li dan ix-xogħol mhux ta’ idejn Bernard Grech u lanqas saħansitra tal-Kelliem tal-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista, Jerome Caruana Cilia.
Kien għalhekk li Saviour Balzan, irrimarka d-deċiżjoni żbaljata ta’ Bernard Grech li neħħa lil Mario De Marco minn dan il-portafoll biex taħ lil Caruana Cilia.
Qabel temm l-artiklu opinjoni tiegħu Balzan sostna kif dan l-episodju mill-ġdid jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista m’għandux sustanza.
Tal-istess fehma kien l-editur tal-gazzetta Illum, li fl-editorjal tiegħu nnota d-dokument ta’ qabel il-Budget mimli żbalji tal-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra l-editur tal-Illum stieden lill-Partit Nazzjonalista biex jara dokumenti ta’ msieħba soċjali oħrajn li saru bi professjonalità u li qajmu punti pertinenti.
Dan għall-kuntrarju tad-dokument tal-Partit Nazzjonalista.