Din kienet sena oħra kkaratterizzata mit-tkomplija tal-investiment fl-edukazzjoni min-naħa tal-Gvern.
Matul din is-sena, aktar minn 15,000 student ibbenefikaw minn żieda ta’ 10 fil-mia fl-istipendji.
Minn dawn l-istudenti, hemm 1,600 li ġew identifikati bħala li għaddejjin minn żminijiet diffiċli u qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji jew soċjali. Dawn ibbenefikaw minn żieda oħra ta’ 10 fil-mija fl-għoti tal-istipendju supplimentari.
Apparti minn hekk, f’din is-sena, dawk l-istudenti li jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa wkoll bdew jieħdu l-istipendju.
Matul is-sena l-Gvern kompla jgħin ukoll lis-settur tal-kultura, li ntlaqat b’mod negattiv mill-imxija tal-Covid-19. Tnax-il applikant ibbenefikaw mill-Event Assurance Scheme, u ħadu fondi wara li, minħabba restizzjonijiet ulterjuri, ma setgħux iwettqu l-proġetti tagħhom.
Ingħatat ukoll għajnuna l għal seats li ma setgħux jinbiegħu minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, permezz ta’ skema msejħa Seat Utilisation Scheme. Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, kien hemm 47 proġett li bbenefikaw minn din l-iskema.
Fil-frattemp, fil-qasam tal-ugwaljanza, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ċċertifikat entitajiet fis-settur privat, kif ukoll f’dak pubbliku. Sa Lulju ta’ din is-sena, kienu iżjed minn mija u tletin organizazzjoni li kisbu l-Marka tal-Ugwaljanza.
Fl-istess waqt, fil-qasam tal-akkomodazzjoni ġiet estiża l-iskema Equity Sharing Plus, li hija miftuħa għal persuni li għandhom minn 30 sena ’l fuq, biex jiżdied l-aċċess tagħhom għas-suq tal-proprjetà. F’din l-iskema l-Gvern jidħol għal massimu ta’ 50 fil-mija tal-proprjetà flimkien max-xerrej.