Sentiment u reazzjonijiet pożittivi ferm għall-aħbar li l-Gvern nieda pakkett leġiżlattiv li jolqot lill-ħaddiema ta’ pjattaforma diġitali, flimkien ma’ liġi li tassigura kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli.
Permezz ta’ dan, il-Gvern se jkun qed jimplimenta miżura elettorali oħra, filwaqt li se jirregola fenomenu ġdid ta’ xogħol li rajnih isir popolari tul il-pandemija.
ONE News tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja li nnota kif il-Gvern ikkonsulta bis-sħiħ mal-isħab soċjali kollha sabiex illum dawn il-ħaddiema, li bħalissa jammontaw għal madwar erbat elef, jingħataw id-drittijiet ta’ ħaddiema.
Qal, “Il-Gvern ikkonsulta kemm il-darba magħna, tajnih il-proposti tagħna, kien hemm konsultazzjoni wiesa’ mas-sħab soċjali kollha, anke fil-fora apropojata u finalment qed naraw li dawn il-ħaddiena se jingħataw id-drittijiet… Issa anke jista’ jkun hemm sħubija għax dawn kemm il-darba avviċinawna, imma peress li lanqas kienu kkunsidrati bħala ħaddiema lanqas setgħu jissieħbu fi trade union, la kellhom il-benefiċċju tal-leave, paga minima u bonus. Xi ħaġa tajba ħafna li l-Gvern ta d-dinjità lil dawn li llum jistgħu jissejħu ħaddiema.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, Joe Farrugia, iddeskriva din il-liġi bħala waħda bżonnjuża li se tagħti d-dinjità lil eluf ta’ ħaddiema.
Qal, “Din hija liġi li hemm bżonnha u fil-fatt l-MEA kienet fost tal-ewwel li pproponejna li għandu jsir xi ħaġa, partikolarment għal dawk il-ħaddiema li jwasslu l-ikel. Ħa twassal biex ikun hemm stabbillità f’dan is-settur u xogħol aktar dinjituż u din hija xi ħaġa li aħna naqblu magħha.
Fost l-oħrajn, b’din il-leġiżlazzjoni min iħaddem issa għandu diversi obbligi fosthom li jassigura paga mhux inqas minn dik minima, liv, payslip dettaljata, kuntratt tax-xogħol u ħlasijiet ta’ taxxa.