Fuq inizjattiva tal-Ambaxxata Maltija fi Spanja, mill-21 ta’ Ottubru sal-5 ta’ Diċembru tal-2022, Pjazza San Ġorġ se tkun qed tospita l-esebizzjoni internazzjonali “Enlightened Universe” tal-artist Cristobal Gabarron.
Esebizzjoni li matulha se jkun qed jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda, nhar it-Tnejn li ġej.
Din l-esebizzjoni kienet saret għan-Nazzjonijiet Magħquda sabiex tfakkar is-70 anniversarju mit-twaqqif u daret bosta bliet prominenti madwar id-dinja bħal New York, Amsterdam, Ġinevra u Brussell. Din is-sena qiegħda tiġi ospitata ġewwa pajjiżna sabiex tikkommemora l-ħatra ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Din l-esebizzjoni tikkonsisti fi globu tad-dinja mdawwar b’katina f’forma ta’ persuni li jissimbolizza d-diversità fil-bnedmin. L-iskop huwa li jintwerew l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda – il-paċi, it-tolleranza, ir-responsabbiltà, l-edukazzjoni, il-kultura u l-iżvilupp sostenibbli fost oħrajn.
L-artist Spanjol Cristobal Gabarron se jkun ukoll qed itella’ żewġ avvenimenti oħra f’pajjiżna, wieħed fi Spazju Kreattiv u l-ieħor fit-tempji tal-Ġgantija.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-esebizzjoni kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, flimkien mal-Ambaxxatur Malti għal Spanja Daniel Azzopardi u l-Ambaxxatur Spanjol għal Malta José María Muriel u t-tmexxija tal-MTA.
L-artist Cristobal Gabarron esprima li huwa ta’ unur kbir li din l-installazzjoni saret fil-pjazza emblematika, il-Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. Huwa rringrazzja lil kull min ta sehem sabiex din il-viżjoni issa ħadet il-ħajja, b’mod speċjali lill-ministri u l-ambaxxaturi rispettivi.
Ritratt: MHAL/MFET/MFT