F’operazzjoni li ħadet aktar minn tmien sigħat ittellgħet minn qiegħ il-baħar l-ankra flimkien ma’ katina li tiżen tunnellata li f’Marzu li għadda għamlet ħsara fuq l-interconnector tal-Enemalta.
L-operazzjoni tal-lum kienet ikkordinata mill-Enemalta u saret bi tħejjija biex ix-xahar id-dieħel ikunu jistgħu jibdew it-tiswijiet fuq l-interconnector. Fiha ħadu sehem bugħaddasa u inġenji tal-baħar attrezzati għal xogħol bħal dan.
L-ankra kienet inqabdet mal-interconnector meta it-tanker Chem P kien għoddu inkalja f’Baħar ic-Cagħaq waqt maltempata li ħakmet il-gżejjer Maltin fid-19 ta’ Marzu.
Waqt li għaddejjin proċeduri għad-danni fil-qrati Maltin u barranin kontra s-sidien tal-vapur, l-Enemalta fl-aħħar xhur għamlet pjan ta’ azzjoni biex l-ankra tittella’ bil-galbu biex ma ssirx aktar ħsara fl-interconnector. Il-pjan beda jitwettaq dalgħodu anke għaliex l-Enemalta ħasbet biex dan ix-xogħol isir fl-istess waqt li d-domanda tal-elettriku ma tkunx fl-aqwa tagħha peress li ma tkunx tista’ tuża l-interconnector.
Waqt l-operazzjoni ta’ dalgħodu l-interconnector ġie mitfi bejn it-8:20 u l-12:15 biex ma jkunx hemm periklu għall-bugħaddasa. Waqt li sar dan, il-provvista tal-elettriku għall-pajjiż kollu ma ġietx affettwata għax kienet moqdija minn sorsi lokali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.
L-interconnector reġa’ inxtegħel wara li l-bugħaddasa reġgħu għamlu spezzjoni viżwali tal-parti tal-interconnector li kienet affettwata mill-ankra.