Min jaf lil xi dilettant tal-ħamiem, jista’ jixhed id-dedikazzjoni kbira li biha dawn irabbu t-tajr tagħhom. Iżommuh fl-aħjar kundizzjoni sabiex, imbagħad, jipparteċipaw bih f’tiġrijiet li fihom jintelqu minn postijiet ’il bogħod – kultant mijiet kbar ta’ kilometri – biex itir lura lejn il-gallinar tiegħu f’Malta.
Il-ħamiem mhux selvaġġ ġie introdott f’Malta mill-Ingliżi, li għall-bidu kienu jużawh għax-xogħol, primarjament biex iwassal b’mod diskret messaġġi b’informazzjoni militari.
Eventwalment, nies tas-servizzi Ingliżi, li bosta minnhom kienu joqogħdu Tas-Sliema jew fil-madwar, bdew irabbu l-ħamiem bħala passatemp u fetħu l-ewwel klabb, proprju f’Tas-Sliema. Huma bdew jorganizzaw it-tiġrijiet minn postijiet differenti f’Malta stess, naturalment b’distanzi qosra. Iktar ma għadda ż-żmien u din in-namra bdiet tinfirex anki fost il-Maltin, bdew jiġu organizzati wkoll tiġrijiet barra minn Malta.
Il-President tal-Federazzjoni tal-Klabbijiet tal-Ħamiem tat-Tiġrija, Charles Scerri, jispjega li tul is-snin id-dilettanti Maltin interessaw ruħhom ħafna f’dan l-isport u bdew jimpurtaw it-tajr minn pajjiżi oħra, l-aktar mill-Belġju u mill-Olanda. Tant sar avvanz li dan id-delizzju llum iżomm għaddejjin diversi attivitajiet ekonomiċi.
Scerri stqarr, “Industriji kbar ta’ ikel, ta’ taħlit għall-ħamiem, fabbriki li jipproduċu mediċini għall-ħamiem, u breeding stations tal-ħamiem. Jeżistu breeding stations fejn dawn jipproduċu ħamiem biex ikun jista’ jiġi mibjugħ kemm fil-kontinent u anki, illum il-ġurnata, barra l-Ewropa.”
F’pajjiżna hawn 25 klabb, b’elf membru, li jikkompetu fuq bażi ta’ klabb, fuq bażi ta’ sezzjoni, jew fuq bażi nazzjonali.
B’kollox kull sena jsir programm ta’ 27 tiġrija li jibda f’Novembru u jispiċċa f’Mejju. Il-ħamiem ġieli jintelaq minn distanzi twal fi Sqallija, u saħansitra mir-reġjun Taljan tal-Pulja. Ir-riżultati tajbin mhux rari għall-Maltin li jsuqu l-ħamiem. Każ tipiku seħħ ftit jiem ilu f’tiġrija tal-kampjonati Ewropej organizzati fil-Portugall mill-Federation Colombophile Internationale, il-federazzjoni dinjija li l-federazzjoni Maltija hija affiljata magħha.
Hu rrimarka, “L-ewwel ħamiema kienet ta’ persuna Maltija, ta’ dilettant Malti, Sebastian Galdes, li jsuq mal-klabb ta’ Birżebbuġa, u hu rebaħ it-tiġrija fuq bażi individwali.”
Bħala pajjiż, Malta spiċċat fit-tieni post u ħadet il-midalja tal-fidda, wara l-Iżvizzera. Dan ifisser li Malta rnexxielha tgħaddi lil pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju, l-Olanda, u r-Renju Unit.
Charles Scerri jirrimarka li dan jikkonferma l-kwalità tal-ħamiem li d-diettant Malti rnexxielu jiżviluppa tul is-snin.