Il-Gvern ħabbar l-introduzzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv robust li jolqot lill-ħaddiema ta’ pjattaforma diġitali flimkien ma’ liġi li tassigura kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, fejn qal li dawn se jkunu qed jidħlu fi żmien 3 xhur.
Hawn ġie spjegat kif b’hekk il-Gvern qed jimplimenta miżura elettorali oħra fl-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura filwaqt li se jirregola fenomenu ġdid ta’ xogħol li ra żieda qawwija tul il-pandemija.
Investigazzjoni li saret fl-aħħar xhur li uriet kif il-ħaddiema tal-pjattaformi jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna irregolaritajiet fosthom nuqqas ta’ pagamenti ta’ bonuses, pagi baxxi u kuntratti mhux bil-miktub.
B’din il-leġiżlazzjoni min iħaddem issa għandu diversi obbligi fosthom li jassigura, paga mhux inqas minn dik minima, leave, payslip dettaljata, kuntratt t’impjieg, ħlasijiet ta’ taxxa u oħrajn.
Dwar dan u aktar tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg Diane Vella Muscat:
“Jistabbillixxi wkoll il-projbizzjoni taz-zero work contract – kuntratt mingħajr sigħat ta’ xogħol. Dak huwa projbit ħlief f’żewġ eċċezzjonijiet żgħar li hemm. Jagħti wkoll lill-ħaddiema li wara żmien ta’ probation ikun jista’ jsaqqsi lill-employer tiegħu għal kundizzjonijiet aktar stabbli u x’se jiġri fil-futur tiegħu. Xi ħaġa li qabel ma kellniex fil-liġi.
Apparti minn hekk se jiġi assigurat ukoll li impjegat ma jistax jiġi mwaqqaf milli jagħmel impjieg ieħor barra mill-iskeda ta’ xogħlu, li ma jsirx taħriġ mingħajr ħlas u li l-impjegati jiġu mgħarrfa bil-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol fost oħrajn.
Vella Muscat appellat ukoll lil min iħaddem sabiex jilħaq jirregola ruħu f’dan il-perjodu ta’ transizzjoni.
Hi qalet, “Hawnekk nappella lill-employers li jagħmlu l-homework tagħhom. Jieħdu stocktake ta’ dak li qegħdin fihom u anke jirrikorru lejn id-Dipartiment biex qabel nilbsu l-funzjoni tar-regolatur inkunu nistgħu ngħinhom biex anke jimplimentaw din il-liġi għaliex ovjament jridu jkunu jafu l-ħaddiema l-għandhom, il-ħinijiet, x’tip ta’ xogħlijiet għandhom biex ikunu jistgħu joffru anke l-pakkett kif inhu xieraq lill-ħaddiema.
Dwar dan, is-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul sostna l-importanza tal-introduzzjoni ta’ dan il-pakkett ta’ liġijiet robusti.
Spjega wkoll li dawn it-tibdiliet u introduzzjonijiet ġew diskussi fit-tul mal-imsieħba soċjali f’diversi laqgħat tal-Bord tar-Relazzjonijiet ta’ l-Impjiegi u b’mod ġenerali, bl-imsieħba soċjali kollha jaqblu ma’ dawn l-introduzzjonijiet u emendi.
Saħansitra spjega wkoll li saret konsultazzjoni biex il-Gvern jifhem ukoll il-perspettivi tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem.
Sostna li b’hekk se tiġi mħarsa d-dinjità tal-ħaddiema.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr, “Din il-liġi tagħmilha ċara li min iħaddem irid jimxi mal-prinċipji li hemm f’din il-liġi biex bażikament niġġieldu l-prekarjat u noffru l-aqwa drittijiet lill-ħaddiema tagħna.”