Il-Gvern ħabbar skema ġusta u ta’ simplifikazzjoni għal persuni li skoprew li parti żgħira mid-dar tagħhom kienet f’xi żmien mibnija fuq art tal-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Arijiet, Silvio Schembri, qal li b’hekk qed titwettaq wegħda elettorali oħra fl-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura.
Huwa spjega li, sa issa, f’dawn il-każijiet ġenwini kien ikun hemm bżonn li joħroġ tender biex il-parti tal-proprjetà inkwistjoni tinxtara mis-sid skont il-prezz tas-suq preżenti, minkejja li l-proprjetà tkun inxtrat għexieren ta’ snin qabel.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega, “Minflok proċedura ta’ tender, prezz fiss għal dik il-proprjetà wara li, ovvjament. isiru l-verifiki kollha li hemm bżonn li juru li dik verament turi li hija parti minn dik il-proprjetà, bħal parti minn ġnien, parti minn kamra, parti minn parapett, li mbagħad tinħadem b’rata fissa ta’ €200 kull metru kwadru għal skop residenzjali u €400 għal kull metru kwadru għal skopijiet oħrajn.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, is-Sur Robert Vella, qal li din hija biss waħda minn numru ta’ skemi ta’ simplifikazzjoni li qed taħdem fuqhom l-Awtorità.
Dawn l-iskemi se jkomplu jissimplifikaw u jagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli sabiex ikunu jistgħu jużaw il-proprjetà tagħhom kif jixtiequ.
Is-Sur Vella stqarr, “Għamilna din l-iskema proprju biex ħafna nies u ħafna familji li ma jistgħux ibigħu l-proprjetà tagħhom jew inkella jagħtuha donazzjoni lit-tfal, ikunu jistgħu jnaddfu t-titlu bi ftit flus.
Intant, ftit jiem biss qabel il-Baġit, ġiet sostnuta l-ħidma tal-Gvern biex jara li l-ekonomija f’pajjiżna tibqa’ miexja b’ritmu tajjeb, fosthom billi jinħolqu industriji ġodda bħalma qiegħed isir fl-oqsma tal-e-sports, tal-video game development, tal-blockchain, u tal-crypto, fost teknoloġiji oħra.