Il-Parlament Ewropew adotta b’suċċess emendi mressqa mill-membru parlamentari Ewropew Josianne Cutajar fil-Kumitat tat-Trasport relatati mar-Regolament dwar il-Fjuwils Sostenibbli fil-qasam marittimu.
Fost dawn l-emendi wieħed isib l-inklużjoni ta’ eżenzjonijiet għal vjaġġi mwettqa minn vapuri tal-passiġġieri bejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istess Stat Membru li jinsab fuq gżira b’inqas minn 100,000 resident permanenti.
Emenda oħra tikkonċerna l-obbligu fuq il-Kummissjoni Ewropea ta’ moniteraġġ fuq l-impatt tar-Regolament fuq id-devjazzjoni tal-merkanzija mill-gżejjer lejn portijiet ġirien ta’ pajjiżi terzi.
Josianne Cutajar saħqet li din il-ħidma hi essenzjali biex jiġi żgurat li niksbu l-ambizzjoni ambjentali meħtieġa, filwaqt li fl-istess ħin nieħdu ħsieb il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u r-realtajiet ta’ gżejjer bħal tagħna sabiex ma jkunux huma li jsofru impatt sproporzjonat.