Anzjana ta’ 80 sena sofriet ġrieħi gravi wara li kienet passiġġieri f’vettura li nqalbet kawża ta’ impatt ma’ vettura oħra fir-Rabat.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tal-11:15 ta’ filgħodu fi Triq Taċ-Ċawl, Rabat.
L-impatt seħħ bejn żewġ vetturi, waħda tal-għamla Mazda 2, misjuqa minn mara li għandha 43 sena u residenti l-Imqabba u vettura oħra tal-għamla Mitsubishi Pajero Junior, misjuqa minn mara ta’ 52 sena, residenti ż-Żejtun.
Passiġġiera fil-vettura Pajero kien hemm ukoll żewġ nisa, waħda ta’ 58 sena residenti l-Fgura u mara oħra ta’ 80 sena residenti Ħaż-Żebbuġ .
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-passiġġieri tal- Pajero l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard il-mara ta’ 80 sena ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-persuna l-oħra ma sofrietx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.