Id-dokument ta’ qabel il-Baġit tal-Partit Nazzjonalista mhux biss ħareġ tard, erbat ijiem biss qabel jitħabbar il-Baġit, iżda qed jiġi deskritt mill-midja indipendenti bħala tgerfix.
Dan hu dokument miżgħud bl-iżbalji, l-istess bħalma kien il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-aħħar elezzjoni ġenerali.
Anke jekk b’suppost Kelliem ġdid ma’ djulu, il-Kap Bernard Grech reġa’ għamel l-istess taħwid li għamel meta, f’Marzu, mar quddiem il-poplu bi programm elettorali mhux studjat. Saħansitra, il-midja indipendenti ddeskriviet id-dokument ta’ qabel il-Baġit bħala “mess” (tgerfix).
F’rapport ta’ analiżi, il-gazzetta Maltatoday qalet li kienet qed timmarka t-taħwid li fih dan id-dokument. Bit-titlu ‘PN’s pre-budget doc: Truck, track… what the heck!’, il-Maltatoday qalet li kienet qed tislet mid-diżastru ta’ dan id-dokument, u tat bosta eżempji.
Fost l-oħrajn il-Maltatoday tgħid li l-Partit Nazzjonalista qabad u tefa’ fid-dokument proposti tas-sħab soċjali b’mod li ma jinftiehemx jekk il-Partit jemminx fihom jew inkella tefagħhomx hemm biex sempliċiment jimla l-paġni.
“Bl-użu ta’ lingwaġġ infantili li hu inkoerenti, dan id-dokument hu mimli żbalji, minn spelling mistakes għal sentenzi ħżiena,” tgħid il-Maltatoday, li nnotat anke r-ripetizzjonijiet. Dan hu eku tal-kampanja elettorali, meta l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista kien mimli proposti doppji.
“Hemm eżempji li jħallu dubju kbar x’kellu f’moħħu l-partit meta kiteb is-sentenzi,” intqal dwar ir-rapport, li ġie ppreżentat mill-Kap Bernard Grech u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia.
Id-dokument ġie ppreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet organizzata ta’ malajr il-Ħamis, ftit jiem biss qabel il-Baġit u iktar minn xahar wara li l-Gvern ippubblika d-dokument tiegħu ta’ qabel il-Baġit.
Saħansitra, il-midja staqsietu għaliex dan id-dewmien kollu u Bernard Grech malajr kellu skuża lesta: “Dan id-dokument kellu jiġi varat qabel illum. Tapprezza li din il-ġimgħa kien hemm żviluppi partikolari u li kellna nimmodifikaw anki t-timeline ta’ meta stajna nvarawh.”