It-timijiet Maltin li qed jieħdu sehem fil-kampjonati mondjali tal-Pool ġewwa l-Irlanda komplew jiksbu aktar riżultati prestiġjuzi. It-tim Malti tal-Irġiel kiseb rebħa konvinċenti ta’ 13-8 fuq it-tim nazzjonali Belġjan. Aktar kmieni filgħodu t-tim Malti safa’ megħlub 12-9 mit-tim nazzjonali ingliż detentur tat-titlu mondjali. Aktar tard il-lejla t-tim Malti jerġa jkun impenjat fl-logħba oħra kontra Franza.
Iż-żgħażagħ ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena kisbu rebħa oħra tajba ta’ 5-4 fuq Franza biex issa jinsabu fl-ewwel post bi tliet rebħiet. It-tim Malti ikun impenjat iżjed tard kontra l-Irlanda.
It-tim tal-Over 50’s kiseb rebħa ta’ 13-12 fuq it-tim irlandiż u l-lejla ikun impenjat f’ zewġ logħbiet oħra kontra Franza u l-Awstralja.
Fil-kampjonati tad-doubles it-timijiet maltin ta’ Kevin Mercieca ma’ Wayne Bonnici u Ryan Pisani ma’ Gary Carr ikkwalifikaw għal-fażi tal-aħħar sittax.