Minkejja li l-istaġun tas-sajf ġie fi tmiemu, Għawdex xorta waħda għadu jara numru kbir ta’ turisti u Maltin li qed imorru biex iqattgħu ġurnata jew aktar fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Minħabba dan, ir-rota ekonomika f’Għawdex baqgħet għaddejja fil-ġimgħat li tradizzjonalment ikunu aktar kwieti għat-turiżmu.
Dan is-sentiment qasmu magħna l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, Joe Muscat, li nnota kif, kull ma jmur, bosta niċeċ turistiċi f’Għawdex qed ikomplu jisaħħu u b’hekk jiġbdu lejhom aktar nies.
“Għalkemm prattikament qegħdin fl-istaġun tal-ħarifa, l-andament turistiku f’Għawdex jidher li għadu għaddej u nistgħu ngħidu li llum saret il-prassi illi l-istaġun jestendi anke sal-aħħar ta’ Ottubru u l-bidu ta’ Novembru. Dan ġej mill-fatt ukoll li Għawdex matul dawn l-aħħar snin komplejna nipromovuh bid-diversi niċeċ li għandna.”
Fost in-niċeċ turistiċi li għamel referenza għalihom Joe Muscat, hemm dak tal-għadis li, minħabba l-jiem sbieħ li għadhom qed jikkaraterizzaw it-temp f’Malta, għadu popolari ferm kemm mal-barranin kif ukoll mal-Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu tkellem dwar x’kien is-sentiment tas-sidien tal-lukandi, ristoranti, u postijiet tal-ospitalità f’Għawdex għat-tliet xhur tas-sajf.
“Il-feedback kien wieħed pożittiv, fis-sens li l-istabbilimenti Għawdxin, kemm tal-akkomodazzjoni, kemm fid-diversi setturi oħra bħall-għadis u trasport, kollha rrappurtaw sajf aħjar mis-sena ta’ qabel. Dan huwa ta’ awgurju tajjeb biex nilħqu rkupru totali wara s-sentejn ta’ pandemija.”
Il-kalendarju kulturali tal-Ministeru għal Għawdex, li huwa miżgħud b’attivitajiet li jsiru ta’ kull ġimgħa, ukoll qed jgħin biex jiġbdu eluf ta’ nies lejn din il-gżira.
Fil-fatt, fi tmiem il-ġimgħa li għadda, ġew organizzati żewġ attivitajiet annwali: l-opra Aida fit-Teatru Aurora, li għaliha attendew kważi elfejn persuna, u l-International Kite Festival.
Għal dan il-festival tat-tajr daħlu sitt elef karozza fil-jum tas-Sibt u aktar minn distat elef u sitt mitt karozza l-Ħadd. Apparti minn hekk ħadu sehem aktar minn disa’ mitt parteċipant u 44 professjonist minn madwar id-dinja.
Ta’ min isemmi wkoll li f’dawn il-jiem, il-vapuri tal-Gozo Channel ħadmu għexieren ta’ vjaġġi hekk kif operaw bla waqfien minħabba d-domanda kbira li kien hemm.
“Il-weekend illi għadda kellna influss ta’ Maltin lejn Għawdex għar-raġuni li kellna żewġ attivitajiet partikolari u dan juri kemm in-niċeċ li bihom nirriklamaw l-Għawdex jistgħu jimlew il-weekends u anke nestendu l-istaġun. Fuq livell domestiku, il-Malti, għalkemm it-tfal bdew l-iskejjel, fil-weekends, Għawdex għadu destinazzjoni favorita mal-Maltin.”