Silvio Berlusconi, li se jkun parti mill-gvern ta’ koalizzjoni l-ġdid tal-Italja, irċieva baraxx ta’ kritika meta ftaħar li ġedded ir-rabtiet ma’ Vladimir Putin permezz ta’ skambju ta’ “ittri mill-isbaħ”, li fihom il-mexxej Russu sejjaħlu “in-numru wieħed fost il-ħames ħbieb tal-qalb tiegħu”.
Bejn li kien Prim Ministru tliet darbiet, bejn il-festini tiegħu mlaqqma “bunga bunga” u bejn il-qrubija mal-Kremlin, Berlusconi mdorri bil-kontroversja. Dawn ir-rimark dwar Putin għamilhom lill-Membri Parlamentari tiegħu.
Fl-awdjo tal-laqgħa li spiċċaw f’idejn l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana LaPresse, Berlusconi qal li Putin bagħatlu għoxrin flixkun vodka għal għeluq sninu u “ittra sabiħa ħafna.”
Kompla: “Irrispondejt bi fliexken tal-Lambrusco u nota daqstant ħelwa”, u żied li “reġa’ stabbilixxa relazzjonijiet mal-President Putin.”
“Il-Ministri Russi qalu, f’ħafna okkażjonijiet, li qegħdin fi gwerra magħhom għax qed nipprovdu armi u fondi lill-Ukrajna,” żied jgħid Berlusconi. “Personalment ma nistax nagħti l-opinjoni tiegħi għax jekk tiġi f’idejn il-mezzi tax-xandir, ir-riżultat ikun diżastru.”
Forza Italia, il-partit tas-Sur Berlusconi, fittex li jiċċara l-kummenti splussivi billi ssuġġerixxa li l-mexxej tiegħu kien qed jitkellem dwar kuntatti preċedenti mal-Kremlin u jinsisti li l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Russja kienet “b’konformità mal-Ewropa u l-Istati Uniti.”