Il-Jum Internazzjonali Missjunarju ser ikun iċċelebrat nhar il-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2022.
Dan il-jum għandu l-għan li jixħet dawl fuq ix-xogħol li jwettqu Missjunarji ‘l bogħod minn arthom, b’risq komunitajiet fil-bżonn. Missio Malta li tifforma parti mill-organizzazzjoni dinjija li ġġib l-istess isem, tiddedika x-xahar ta’ Ottubru kollu sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma Missjunarja, f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Bħalissa, Missio Malta qed tagħti s-sostenn tagħha fl-Etiopja fost pajjiżi oħra, fejn komunitajiet qed jiġu mgħejjuna bi proġetti marbuta mal-agrikoltura. Proġett ieħor qed jgħin tfajliet jitgħalmu ħiliet ġodda sabiex ikunu kapaċi jiksbu l-indipendenza tagħhom. Dawn il-proġetti huma intiżi sabiex jgħinu lill-komunitajiet tal-missjoni ikollom kwalità tal-ħajja aħjar.
Nhar il-Ħadd li ġej, Mons. Arċisqof ser jiċċelebra quddiesa fid‑9:30 a.m., fil‑Bażilika Arċipretali ta’ Santa Marija, fil‑Mosta. Is-Sibt 22 ta’ Ottubru, lejliet il-Jum Missjunarju, membri voluntiera ta’ Missio ser ikunu qed jiltaqgħu mal-pubbliku fuq iz-zuntier tal-istess Knisja sabiex iqajjmu kuxjenza dwar il-ħidma tal-Missjonijiet madwar id-dinja.
Missio Malta f’kollaborazzjoni ma’ Missio Australia ħolqot dan il-video sabiex jiċċelebra l-valuri tal-Jum Internazzjonali Missjunarju.
Iktar kmieni dan ix-xahar, Missio Malta nhediet il-proġett Socktober f’kollaborazzjoni mal-MFA u li fih numru ta’ tfal li jattendu nurseries tal-football raw kif jinħadem ballun magħmul miċ-ċraret, kif jagħmlu tfal f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.