Raġel ma nstabx ħati li fl-2017 ipprova jagħmel l-abort lil mara Marokkina. Huwa nħeles minħabba nuqqas ta’ provi.
Nizar Gweleg, Ungeriż, kien akkużat li pprova jagħmel abort fuq il-mara permezz ta’ mediċini u skieken.
Il-mara għandha 33 sena u l-każ seħħ meta kienet fit-tieni xahar tat-tqala. Kollox allegatament seħħ nhar l-1 ta’ April ta’ ħames snin ilu fis-Swieqi, fejn il-mara kienet toqgħod mal-għarus tagħha, Libjan ta’ 33 sena.
Fil-Qorti, il-mara spjegat li kienet fil-kamra tas-sodda mal-Libjan, meta daħlu fuqhom żewġ persuni, fosthom l-Ungeriż. Dawn kienu mgħammda, libsin l-ingwanti, u bi skieken fi jdejhom.
Kien f’dan il-punt li l-għarus tagħha qalilha li ma riedx it-tarbija. L- Ungeriż u l-persuna l-oħra rabtulha jdejha u saqajha mas-sodda, tefgħulha ma’ wiċċha xugaman li kien fih xi spirtu u aggredewha bis-sikkina. Qalet li l-imputat daħħlilha pillola fil-parti tagħha, filwaqt li l-għarus tagħha sfurzalha pillola oħra f’ħalqha u beda jaqbeż fuq żaqqha.
Qalet ukoll li l-Ungeriż serqilha ċurkett tad-deheb u l-mobile, u li ffilmja bil-mobile tagħha dak li kien qed jiġri. L-Ispettur Prosekutur spjega li l-vittma tħalliet kważi mejta fil-kamra tal-banju sakemm instabet minn bintha ta’ 15-il sena.
Skont il-vittma, wara din l-aggressjoni ma jistax ikollha aktar tfal.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnotat li s-Surġent li ġabar l-evidenza mill-appartament fejn seħħ l-allegat każ ma kienx maħtur bħala espert fl-inkjesta maġisterjali. Il-Maġistrat, għalhekk, argumenta li r-rapport imfassal minnu ma jistax jitqies bħala validu, għax huwa inammissibbli. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li b’hekk m’hemm xejn li jista’ jwassalha biex tqis li l-imputat wettaq ir-reati.
Mill-eżamijiet forensiċi li saru minn esperti oħra, ma kienx hemm traċċa tal-profil ġenetiku tal-Ungeriż. Il-Maġistrat irrimarka wkoll li l-mara tat verżjonijiet differenti fix-xhieda tagħha u li t-tobba li invistawha ma setgħux jistabilixxu jekk it-tarbija ntilfitx b’mod naturali jew riżultat tal-allegat inċident.
Rigward is-serq, il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova.