Tkompli titwettaq wiegħda elettorali oħra meta, fil-Kalkara, ġie inawgurat l-ewwel ġnien f’pajjiżna li huwa ħieles mill-karbonju. Ġnien ir-Rnella, b’investiment ta’ miljun ewro, ser jservi bħala post ta’ rilassament mingħajr ma jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent.
Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, kien ġie mwiegħed li se tingħata importanza lill-ambjent urban u l-ħolqien ta’ spazji miftuħa fl-irħula u l-ibliet tagħna għall-benesseri taċ-ċittadini kollha. B’hekk, dawn iż-żoni jingħataw lura lin-nies.
Fost l-oħrajn, Ġnien ir-Rnella huwa mgħammar b’pannelli tax-xemx mal-art li minnhom jiġi ġġenerat id-dawl għall-ġnien innifsu. Għandu wkoll sistema ta’ tisqija b’erba’ ġibjuni li ġew irrestawrati mill-Coca Cola Foundation. Hemm ukoll funtana għax-xorb.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, li qalet li l-ewwel prijorità f’ġonna bħal dawn hija s-sostenibilità. Hija appellat biex kull wieħed u waħda minna li nagħmlu użu minn dawn il-ġonna, nieħdu ħsiebhom.
“Irridu li jkollna iktar ġonna fejn inkunu qegħdin inħarsu mhux biss l-ambjent naturali imma naraw ukoll li fix-xogħol li nkunu għamilna ma nkunux qed iniġġsu. Fil-fatt, f’dan il-ġnien qegħdin naraw li tiġi prodotta enerġija li hija rinnovabli mix-xemx daqskemm hemm bżonn li dan il-ġnien jikkonsma enerġija. Allura, dan huwa ġnien bit-tir li hu carbon neutral.”
Is-Sindku Kalkariż, Wayne Aquilina, għamel enfasi fuq l-importanza li r-residenti jkollhom spazju miftuħ bħal Ġnien ir-Rnella li joffri kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Illum kuntent li din hija wegħda oħra elettorali mwettqa f’din il-leġiżlatura tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara. Hija parti mill-ħidma tiegħi, mill-ħidma tal-kunsill li mmexxi, li nibqgħu nikkreaw u noħolqu iktar spazji miftuħa u aktar spazji li l-familji Kalkariżi u anke tal-madwar jiġu fihom u jieħdu pjaċir. ”