Il-membri Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew ilbieraħ komplew jispjegaw is-sitwazzjoni reali f’Malta waqt dibattitu dwar l-istat tad-Dritt f’Malta ħames snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – dibatittu b’rabta ma’ riżoluzzjoni instigata mid-deputat Ewropew Nazzjonalista David Casa.
Filwaqt li kull deputat li tkellem waqt id-dibattitu esprima r-rabja tiegħu għall-qtil ta’ Caruana Galizia, ħarġet ċara l-intenzjoni ta’ David Casa u ta’ sħabu mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex jużaw il-pjattaforma li joffrilhom dan l-assassinju orribbli biex jattakkaw lil Malta u lill-Gvern Malti.
Mill-banda l-oħra, diversi deputati minn gruppi differenti tal-Parlament Ewropew tkellmu mingħajr għamad dwar is-sitwazzjoni kif inhi: faħħru r-riformi sostanzjali li saru u li qed ikomplu jsiru f’Malta fil-qasam tal-istat tad-Dritt, irrikonoxxew l-proċess li bih qed issiir ġustizzja ma’ dawk li kienu involuti fil-qtil, filwaqt li fakkru li, filwaqt li l-PE qed jiffoka fuq Malta, kien hemm diversi każijiet oħrajn ta’ qtil jew theddid serju ta’ ġurnalisti fi Stati membri oħrajn tal-UE li l-PE mhux jagħmel enfasi fuqhom bl-istess mod.
Fid-diskorsi tad-deputati Ewropej Laburisti Maltin ġie rrimarkat li filwaqt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u anki l-Kunsill tal-Ewropea u oħrajn faħħru l-isforz ta’ Malta biex jissaħħu l-istituzzjonijiet, l-Istat tad-Dritt, u l-governanza, fil-Parlament Ewropew qed isir id-9 dibattitu dwar riżoluzzjoni dwar il-qagħda f’Malta. Semmew ukoll ir-riformi li twettqu u qed jitwettqu, kif ukoll il-mod kif qed iseħħ il-proċess biex isseħħ ġustizzja.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, ikkummenta li d-dibattitu fil-PE ma jagħmilx ġieħ lill-kommemorazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda jirrifletti l-messaġġi ta’ gruppi politiċi tal-lemin li jistmerru lill-gvern ta’ Malta fuq kull front.
Huwa qal li, anki jekk jista’ jidher li r-riformi li qed isiru f’Malta qed isiru bil-mod, qed isiru kif suppost u qed jagħtu r-riżutati, tant li Malta qiegħda saħansitra aktar avvanzata minn ċerti Stati membri oħrajn tal-UE f’ċerti aspetti. Huwa qal li dibattiti u riżoluzzjonijiet bħal dawn fil-PE żgur li mhux se jgħinu f’dan il-proċess.
Id-deputat Ewropew Alex Agius Saliba qal li għadu qed jistenna li jara lill-PE jiddibatti riżoluzzjonijiet dwar l-4 ġurnalisti l-oħra li nqatlu fi Stati membri oħrajn tal-UE u li l-proċessi legali tagħhom għadhom ma nbdewx jew għadhom mhux konklużi. Huwa saħaq li l-gvern Malti qatt ma kien supperv iżda sema’, iddjaloga, u wettaq ir-riformi.
Sadattant, għaddej il-proċess tat-twettiq tal-ġustizzja. Huwa rrimarka li minħabba interess politiku partiġġjan fil-PE, hemm min dawn il-fatti qed jipprova jostorhom.
Id-deputat Ewropea Josianne Cutajar qalet li f’Malta l-Gvern qed ikompli jbiddel u jemmen li dak li kiseb s’issa mhux il-wasla. Saħqet li l-progress li qed isir f’pajjiżna jirrikonoxxih min għandu ottika imparzjali u oġġettiva, u m’għandux ikun il-Parlament Ewropew li, għal darboħra, jipprova jpinġi l-istampa mod ieħor. Fakkret li l-protezzjoni tal-gurnalisti u s-Saltna tad-Dritt ghandhom ikunu protetti u msaħħa kullimkien u f’kull Stat membru.
Id-deputat Ewropew Cyrus Engerer qal li l-proċess li nbeda wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kellu jsir ħieles mill-battibekki politiċi partiġġjani.
Qal li Malta tgħożż bil-qawwi l-valuri tad-demokrazija, tal-libertajiet tal-bniedem, tal-ġustizzja, u tal-istat tad-Dritt. Saħaq li, minbarra r-riformi u li ssir ġustizzja ma’ min kien wara l-qtil, hemm bżonn ukoll li l-pajjiż ifiq minn qasmiet politiċi b’għeruq fil-passat filwaqt li jiġġieled kontra l-mibgħeda, il-klassiżmu, u t-twemmin li xi fehmiet huma superjuri għal oħrajn.