“L-istabbiltà li noffru twassalna biex mhux biss nimmiraw li nkunu attraenti għall-investituri iżda nibqgħu attraenti.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela fil-ftuħ tal-konferenza tal-Ernst & Young bit-tema ‘Malta Future Realised’ li matulha tħabbar, fost l-oħrajn, li l-fiduċja tal-kumpaniji internazzjonali fl-attrattività ta’ Malta għall-investiment żdiedet b’21 fil-mija f’sena.
Il-Prim Ministru saħaq li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta ġej mill-istabbiltà li qed joffri l-Gvern biex jibni prosperità ġdida għall-intrapriżi u l-familji.
“Dan hu li, nemmen, jirfed is-suċċess ekonomiku li kellu pajjiżna f’dawn l-aħħar snin: iċ-ċeretzza. Iċ-ċertezza li jkollok dawk li jfasslu l-politika li jkunu impenjati favur il-ħolqien ta’ propserità ġdida għall-imprizi u għall-familji. Impriżi li joperaw f’Malta jistgħu jserrħu fuq politika stabbli, maħsuba biex l-ispejjeż tagħhom jinżammu raġonevoli u l-operat tagħhom ikun sostenibbli.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li studju bħal tal-EY huwa importanti għall-Gvern biex ifassal politika li biha jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku. Huwa osserva li punti saljenti li joħorġu mill-istudju huma riflessi wkoll minn studji uffiċjali li jsiru minn żmien għal żmien.
Fost affarijiet oħra, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li, fuq medda ta’ tnax-il xahar, l-investiment dirett barrani li għandu x’jaqsam max-xjenza, mar-remote gaming, u mal-komunikazzjoni, fost oħrajn, żdied bi kważi kwart ta’ biljun ewro.
“Is-sena l-oħra, il-flussi tal-investiment dirett barrani f’Malta – jekk wieħed ma jinlkludix il-flussi mil-qasam tas-servizzi finanzjarji – kienu ta’ kważi nofs biljun ewro. Dan kien kważi d-doppju tal-flussi tal-investiment dirett barrani tal-2020, u huwa l-aqwa riżultati li qatt ġew irreġistrati.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru qal li l-pandemija għallmitna iżjed minn qatt qabel, il-ħtieġa tad-diġitalizzazzjoni u dan illum huwa importanti għall-miri ta’ pajjiżna biex ikollna ekonomija newtrali f’termini tal-emissjonijiet tal-karbonju.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-kriżi fil-qasam tal-enerġija li laqtet l-Ewropa b’riżultat tal-gwerra wriet aktar kemm huwa importanti li nkunu sostenibbli u kapaċi nsostnu lilna nfusna fil-provvista tal-enerġija.
Qal li kemm l-aspett ambjentali imma anki dak ekonomiku huwa importanti u għalhekk irridu nħarsu iżjed lejn il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli.
Il-Prim Ministru indirizza lill-imprendituri preżenti fil-konferenza u spjega kif, waqt sfidi internazzjonali bħall-pandemija, Malta żammet il-produttività ekonomika b’settur tax-xogħol b’saħħtu.
F’dan l-isfond, qal li issa l-Gvern Malti qed jerġa’ jagħti stabbiltà billi qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ma jitfax il-piżijiet fuq in-negozji u l-familji.
Dan apparti li kiseb derogi li ma jolqtux il-produttività f’pajjiżna u l-intrapriżi jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar: li jrid jara ġejjieni għal Malta mibni fuq sisien sodi mnebbaħ mill-valuri soċjali iżda wkoll li jimraħ u jirriforma u jħares l-aspetti ambjentali u tas-sostenibbiltà.
“Flimkien nistgħu nibnu prosperità ġdida għal dawn il-gżejjer. Futur li jkun aktar ġust soċjalment, aktar sostenibbli mill-aspett ambjentali, u aktar dinamiku Bħala soċjetà jeħtieġ li nkomplu nħarsu bis-sħiħ ’il quddiem u nilqgħu l-bidla u r-riformi. Madanakollu, minkejja l-inċertezza li aħna mdawrin biha, iridu nkunu aktar ċerti mill-ħtieġa li nibqgħu dejjem miftuħin, pożittivi, u innovattivi.”
il-Prim Ministru Robert Abela